Mindu ġie ffirmat il-ftehim storiku mal-importaturi u l-bejjiegħa tas-supermarkets, sebgħa u ħamsin ħanut tal-merċa applikaw biex ikun hemm prezzijiet stabbli fil-prezzijiet ta’ erba’ mitt prodott fi ħmistax-il kategorija ta’ ikel essenzjali, li se jidħlu fis-seħħ mill-ewwel ta’ Frar li ġej.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Laburista, fejn intqal li dawn ingħaqdu mal-200 stabbiliment li diġà huma parti mill-inizjattiva.
Schembri sostna li Gvern Laburista, bil-kontra ta’ pajjiżi oħrajn madwar id-dinja, qed jieħu miżuri favur in-nies quddiem l-isfida tal-għoli tal-ħajja, kemm bis-sussidju fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels u anke bil-patt storiku biex ikun hemm stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel essenzjali.
Hu spjega li l-inflazzjoni f’pajjiżna baqgħet għolja, primarjament minħabba l-esportazzjoni. Qal li kien hemm studju li wera l-aktar prodotti li jinxtraw mill-konsumaturi, li bdew jiżdiedu minn żmien għal żmien.
“Jiġifieri għalfejn 31 ta’ Ottubru? Biex nispjegaha l-31 ta’ Ottubru hi ġurnata qabel bdejna diskussjonijiet mill-importaturi u l-bejjiegħa. Dakinhar tal-31 ta’ Ottubru, in-nies fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija ħadu snapshot tal-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti affettwati u allura kellna stampa ċara ta’ x’inhuma l-prezzijiet biex b’hekk inneħħu d-dubju li, isma’ dan bdew in-negozjati, allura għollew il-prezzijiet biex taparsi qed iraħħsuhom. Le, il-prezzijiet ħa jkunu tal-31 ta’ Ottubru, qabel bdejna d-diskussjonijiet u ħa jkunu r-roħs fuq dak il-prezz.”
Min-naħa tiegħu, il-kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew, Clint Azzopardi Flores, qal li l-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, qed iħaddan il-politika ta’ stabbiltà fi żmien ta’ sfidi internazzjonali.
Hu sostna li l-Partit Laburista qed ikun ta’ spalla, kemm permezz tal-baġit għal din is-sena u anke permezz tat-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna.
Azzopardi Flores fakkar fil-bosta miżuri soċjali li ddaħħlu jew li ssaħħew minn Gvern Laburista, inkluż il-mekkaniżmu addizzjonali tal-għoli tal-ħajja u l-akbar żieda fil-Paga Minima Nazzjonali.
“Naħseb li ntlaqat b’mod tajjeb, in-negozji ż-żgħar ukoll se jgawdu minn din l-inizjattiva, li nemmen li tista’ tkun waħda tajba ta’ suċċess għall-kumplament tan-negozji. Jiġifieri hawnhekk inħeġġeġ lil kulħadd biex min irid jissieħeb, jissieħeb. Biex tkompli għaddejja bħala opportunità għall-irkupru tas-suq.”