Il-Prosekuzzjoni, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, sejħet lil Jeremy Harbinson, l-espert ewlieni fl-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, bħala xhud indispensabbli fil-proċeduri li segwew u attwalment għaddejjin fil-Qorti.
Tali dikjarazzjoni saret l-Erbgħa filgħodu f’waħda mill-kawżi relatati mal-inkjesta tal-isptarijiet, li fiha għaddej proċeduri, fost l-oħrajn, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Dan ukoll fid-dawl tal-fatt li Harbinson qed jirrifjuta li jixhed f’dawn l-istess kawżi.
Fil-fatt, matul is-seduta l-Erbgħa filgħodu, saru diversi punti dwar ix-xhieda li għad irid jagħti l-istess Harbinson. Ingħad kif l-Irlandiż ġie kemm-il darba f’pajjiżna mingħajr l-ebda problema, iżda hu biss issa li qiegħed jirrifjuta li jiġi Malta.
ONE News kien tal-ewwel li rrapporta dwar it-taħwid, in-nuqqas ta’ serjetà u l-isparpaljar ta’ fondi pubbliċi li rriżultaw mill-istess inkjesta, li tagħha kien responsabbli wkoll Harbinson u swiet lill-pajjiż aktar minn €11-il miljun.
L-avukati tad-difiża tennew li, ladarba issa Harbinson hu xhud indispensabbli, allura dan għandu jkun fiżikament preżenti fl-awla f’pajjiżna biex jixhed.
Sadanittant l-Avukat Vince Galea, f’isem l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, ukoll talab lill-Maġistrat Rachel Montebello biex l-informazzjoni miksuba mill-mowbajl tiegħu bl-ebda mod ma tixxandar pubblikament, wisq inqas b’leaks fil-midja.
It-talba saret fl-isfond li l-kontenut inkwistjoni hu relatat ma’ informazzjoni personali jew marbuta max-xogħol ta’ Dr Muscat. Ġie spjegat li, waqt li l-eks Prim Ministru m’għandux problema b’dawn il-messaġġi, fl-istess ħin dawn huma irrelevanti għal kollox għall-akkużi li qed jiffaċċja fil-Qorti.
L-Avukat Galea żied li issa jrid ikun żgurat li dawn il-messaġġi, li ġew mgħoddija lill-Prosekuzzjoni, ma jispiċċawx għand terzi u l-Qorti għandha tassigura li dan ma jiġrix.
Fakkar lill-Maġistrat li jirriżulta, bil-provi, li waqt li kienet għaddejja l-inkjesta kien hemm il-leaks u għalhekk il-Qorti għandha tieħu deċiżjoni li torbot anke lil min mhux involut fil-kawża.