Aktar minn 5,600 persuna, irċevew pagament fil-kont bankarju tagħhom bħala parti mir-raba’ proċess ta’ ħlasijiet tal-benefiċċji li qed jingħataw mill-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali lill-persuni milquta mill-pandemija tal-COVID-19.
Fir-rendikont ta’ kull ġimgħa li qed jingħata mill-istess Ministeru, ingħataw id-dettalji dwar l-erba’ benefiċċji li qed jingħataw lil persuni li ma jikkwalifikawx taħt skemi li huma mħaddma mill-Malta Enterprise.
Dawn huma l-benefiċċju ta’ ġenitur li jieqaf jaħdem biex jieħu ħsieb it-tfal, il-benefiċċju ta’ persuna b’diżabilità, il-benefiċċju addizzjonali tal-qgħad fuq il-benefiċċju kontributorju, u l-benefiċċju mediku.
L-ammonti li qed jitħallsu huma bħal dawk fl-iskemi tal-Malta Enterprise, jiġifieri €800 fix-xahar għal dawk li jaħdmu full-time, u €500 fix-xahar jekk persuna tkun taħdem part-time.
Sat-22 ta’ April, daħlu aktar minn tmint elef u ħames mitt applikazzjoni. Minnhom inħadmu aktar minn sebat elef u seba’ mija, ekwivalenti għal 91% tat-talbiet.
Aktar minn 5,600 persuna tħallsu l-benefiċċju, bi spiża li tlaħħaq l-€4,200,000 meta wieħed iqis ukoll il-ħlas tal-bolla.
Fost dawk li tħallsu l-Ħamis, hemm kważi 5,000 persuna li rċevew il-benefiċċju tal-ġenituri, dak mediku jew tad-diżabilità waqt li żammew l-impjieg, u hemm mija u sebgħa u erbgħin persuna oħra li waqqfu l-benefiċċju u rritornaw għax-xogħol.
Is-Segretarju Permamenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musù, spjega li mill-bidu ta’ Marzu sal-lum, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, irċieva aktar minn ħamsin elf e-mail, u disat elef u mitejn telefonata.
Huwa spjega: “Is-sitwazzjoni preżenti ġabet pressures ġodda u kbar fuqna u fuq il-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku u tas-Settur Pubbliku imma minkejja dan, il-ħaddiema tagħna qamu għall-okkażjoni, qed ixammru l-kmiem, qed jaħdmu ħafna u ħafna u ta’ dan rikonoxxenti ħafna tax-xogħol kbir li qed jagħmlu.”
Il-Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon irringrazzja lill-ħaddiema kollha li qed jaħdmu qatigħ mhux biss fejn jidħlu dawn il-benefiċċji, iżda fis-settur soċjali kollu.
Irrimarka li waqt li għaddej dan kollu, qed jitwettqu wkoll miżuri ġodda tal-baġit, fosthom l-għotja ta’ €300 għal kull wild.
Il-Ministru Falzon stqarr: “Illum waqt li qed nitkellmu, kellna madwar 560 persuna li rċevew iċ-child bonus. Dak huwa bonus ġdid li introduċejna, u m’għidniex isma’ f’daċ-ċirkostanzi ejja nipposponu jew ma nibqgħux inħallsu kull xahar, le, dak ix-xogħol bqajna għaddejjin u bqajna għaddejjin tajjeb ħafna.”