56 rekluta ngħaqdu mal-Korp tal-Pulizija bħala kuntistabbli, wara li temmew il-Kors ta’ Taħriġ għar-Rekluti.
It-taħriġ, li dam sitt xhur, tmexxa mill-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati, fejn jinkludi fost oħrajn taħriġ fiżiku u akkademiku.
Dan il-kors, li hu wieħed akkreditat fil-livell MQF4 mill-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, se jwassal biex dawn il-kuntistabbli l-ġodda jibdew jagħtu servizz lill-komunità u lil pajjiżna.
B’kollox f’dan il-kors ġew mgħallma 63 suġġett bħall-etika, id-diversità, il-liġijiet ta’ Malta, ir-regoli u l-proċeduri, l-investigazzjoni ta’ reati bħal vjolenza domestika, abbuż tat-tfal, offiżi sesswali u għarfien fuq is-saħħa mentali, fost oħrajn.
Darren Borg, wieħed mill-Kuntistabbli ġodda, tkellem dwar is-sodisfazzjoni li joffri x-xogħol ta’ Pulizija.
“Jiena kont l-ikbar wieħed f’dan ir-reklutaġġ ta’ 39 sena u kburi ngħid li rnexxieli nagħmilha magħhom. Kien reklutaġġ ferm interessanti u dħalna għal dan ix-xogħol għax huwa xogħol uniku li ma tistax ssib xogħol ieħor bħalu. Ħdimt xogħlijiet oħra qabel imma dan huwa xogħol uniku li jtik sodisfazzjon li dejjem xtaqt u li qatt ma sibtu mkien.”
Meta indirizza lill-membri l-ġodda tal-Korp, il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, irrimarka l-importanza tar-responsabbiltà kbira li dawn il-Kuntistabbli ġodda se jkunu qed iġorru fuq spallejhom.
“Enfasizzajt li l-ġurament li ħadu llum, li jridu jaraw li ġurnata wara l-oħra jwettquh u jaraw li fuq il-post tax-xogħol tassew huma u l-kollegi tagħhom iġibu l-kunċetti tal-integrità, l-onestà, l-ewwel u qabel kollox u jaqdu l-funzjonijiet tagħhom b’ħila liema bħalha għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Il-Kummissarju Gafà fakkar f’kif il-fiduċja tal-pubbliku fil-Korp tal-Pulizija, anke skond l-aħħar riżultati tal-Ewrobarometru, hija waħda b’saħħitha u laħqet id-69 fil-mija. Huwa għalhekk importanti li dan ir-riżultat jibqa’ jiġi sostnut.
Fil-messaġġ li għadda lill-Kuntistabbli ġodda, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri sistna li l-pulizija għandhom ikunu parti mill-komunità, mhux biss biex jipproteġu lill-vulnerabbli iżda biex japprezzaw x’inhuma l-ħtiġijiet tas-soċjetà.
“Jeħtieġ jaħdmu biex ikomplu jagħtu lill-komunitajiet Maltin u Għawdxin komunitajiet aktar siguri. Tlabthom sabiex jagħmlu l-ġid, tlabthom sabiex jaħdmu id f’id mal-komunità u jgħaqqdu d-doveri tagħhom fl-aħjar abbiltajiet tagħhom ta’ Pulizija.”
Matul iċ-ċerimonja tal-ħatra, li saret it-Tlieta waranofsinhar, saret ukoll il-preżentazzjoni tal-premjijiet lill-aħjar żewġ rekluti fis-suġġetti akkademiċi. Fl-ewwel post ikklassifikat Chantelle Mifsud u fit-tieni post ġiet Christiana Gatt. Fis-suġġetti prattiċi, l-ewwel post inkiseb minn Nicolai Luke Fenech u t-tieni post minn Nathan Frendo.
Il-premju tar-rekluta li l-aktar li ddistingwa ruħu matul il-kors ingħata lil Darren Borg.