Din is-sena diġa kienu rreġistrati sitta u ħamsin każ ġdid ta’ HIV. Dan ifisser medja ta’ ħames każi ġodda kull xahar, biex kollox jindika li se tinqabeż iċ-ċifra rekord tas-sena li għaddiet. hekk kif kien hemm 59 każ ġdid ta’ HIV.
L-HIV twassal għal marda tal-AIDS, u din is-sena kien hemm ukoll żewġ każi ta’ AIDS.
Minn statistika li ippublikat l-gazzetta Kullħadd jidher li mill-2005, sena wara l-oħra kien qed ikun hemm żieda konsistenti fil-mard trasmess sesswalment. L-AIDS u l-HIV mhumiex l-uniċi mard jew infezzjonijiet trasmessi sesswalment.
Minn statistika li żvelat il-gazzetta KullĦadd jirriżulta li kien hemm żieda fil-każijiet ta’ Chlamydia meta mqabbel mas-sena li għaddiet filwaqt li kien hemm tnaqqis fil-każijiet ta’ Syphillis primarja u sekondarja u tnaqqis ukoll ta’ Gonorrhoea.
Is-servizz ta’ saħħa pubblika joffri kura speċjalizzata permezz tal-GU Clinic f’Mater Dei li tara mal-ħames mitt pazjent fix-xahar.
Matul is-sentejn li għaddew kien hemm mitejn u għoxrin professjonist li ingħataw taħriġ speċifiku dwar il-mard trasmess sesswalment.
Jirriżulta li fattur prinċipali li jikkawża t-trasmessjoni ta din l-infezzjoni hija d-diskriminazzjoni soċjali li jbagħtu minnha dawn il-pażjenti.
Bil-għan li tinħoloq kuxjenza dwar dan l-istudenti tal-mediċina organizzaw mixja.
Dawk li attendew il-mixja, lkoll tobba tal-ġejjieni, għamlu appell ċar. Dak li l-prevenzjoni aħjar mill-kura.