Il-Prim Ministru Robert Abela ħa sehem fil-laqgħa tal-mexxejja tal-UE u tal-Balkani tal-Punent fi Brussell.
Il-laqgħa serviet bħala opportunità biex jinżamm il-momentum il-ġdid għas-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Balkani tal-Punent, inkluż permezz tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea bid-dħul ta’ dawn il-pajjiżi fl-UE.
Is-suġġetti ewlenin tad-diskussjoni fis-summit kienu, it-tkabbir tal-UE permezz ta’ dħul ta’ stati membri ġodda mill-Balkani tal-Punent u t-tisħiħ tal-impenn politiku tal-UE mar-reġjun f’diversi oqsma, inkluża l-politika estera u ta’ sigurtà. Dan apparti t-trażżin tal-impatt tal-gwerra tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-koperazzjoni dwar il-migrazzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.
Dwar dan il-punt tkellem il-Prim Ministru Robert Abela li sostna li, “Il-ħidma bejn l-aġenziji Ewropej u l-pajjiżi tal-Balkani għandha tkompli twassal għat-tnaqqis tal-immigrazzjoni irregolari lejn il-fruntieri Ewropej. Dak li rnexxielna nagħmlu sa issa f’dan il-qasam juri r-riżultati li nistgħu nilħqu jekk naħdmu flimkien mill-qrib.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar kif din il-kollaborazzjoni mhix importanti għar-reġjun tal-Balkani biss imma għall-bqija tal-Ewropa speċjalment fil-kuntest ta’ gwerer u l-instabbiltà li jiddominaw bħalissa. Dan kemm minħabba l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna u anke s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani. Il-kollaborazzjoni mal-pajjiżi tar-reġjun trid tibda tissaħħaħ minn issa – anke qabel ma huma jsiru membri sħaħ tal-UE.
“Irridu nitkellmu b’leħen wieħed fl-entitajiet multilaterali – fejn nitkellmu dwar il-valuri tagħna – dan sabiex nipproteġu lilna nfusna mit-tibdiliet fil-qasam tal-enerġija, ikel u sigurtà ekonomika”, qal il-Prim Ministru Abela.
Il-Prim Ministru faħħar ir-rieda u l-impenn tal-pajjiżi f’dan ir-reġjun li qed jaħdmu qatigħ biex jintegraw mas-sistemi tal-Unjoni Ewropea – bħala parti mill-proċess ta’ sħubija. Saħaq fuq l-importanza li dawn il-pajjiżi jikkomunikaw il-vantaġġi tas-sħubija maċ-ċittadini tagħhom filwaqt li jikkuntrastaw diżinformazzjoni minn pajjiżi terzi.
Is-summit qed ikun ippresedut mill-President António Costa, għall-ewwel darba fil-kapaċità l-ġdida tiegħu bħala l-President tal-Kunsill Ewropew.