Il-Ministru tal-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard attenda u pparteċipa fil-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja li ltaqa’ fi Brussell u li ffoka fuq firxa ta’ temi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, li huma meqjusa importanti għat-titjib tal-ġustizzja u s-sigurtà madwar l-Ewropa.
Matul id-diskussjonijiet leġiżlattivi, kienet diskussa direttiva mmirata biex tistabbilixxi regoli minimi għall-prevenzjoni tal-kuntrabandu tal-migranti, li tfittex li toħloq approċċ unifikat fost l-istati membri tal-UE.
Suġġett sinifikanti ieħor kien id-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament tat-tfal, fejn intlaħaq qbil dwar approċċ ġenerali biex jissaħħu l-protezzjonijiet għal individwi vulnerabbli. Dwar dan is-suġġett, il-Ministru Attard qal li Malta tibqa’ soda fl-impenn tagħha favur il-ħarsien tat-tfal mill-abbuż u l-isfruttament sesswali u tappoġġja aspetti varji, inkluż l-inklużjoni ta’ reati ġodda relatati mas-solleċitazzjoni u l-isfruttament tat-tfal. Qal li fl-era diġitali tal-lum, jeħtieġ nagħrfu l-importanza li nindirizzaw l-abbuż u l-isfruttament online inkluż il-live streaming.
It-temi mhux leġiżlattivi fuq l-aġenda kienu jinkludu skambju ta’ fehmiet dwar il-futur tal-liġi kriminali fl-Ewropa, bil-Ministu Attard itenni li l-Istati Membri għandhom iżommu l-possibbiltà li jadattaw u japplikaw dawn l-għodod b’mod li jibqa’ koerenti u konsistenti mas-sistemi u t-tradizzjonijiet legali nazzionali rispettivi tagħhom.
Saħaq li Malta tilqa’ t-tkomplija tad-diskussjonijiet dwar il-futur tal-liġi kriminali tal-UE, filwaqt li dejjem iżżomm f’moħħha l-prinċipji ta’ attribuzzjoni, sussidjarjetà u proporzjonalità li għandhom jibqgħu l-pedament għal kwalunkwe inizjattiva futura f’dan il-qasam.
Il-Kunsill tal-Ministri tratta wkoll il-ħtieġa ta’ tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, filwaqt li kien enfasizzat li l-kollaborazzjoni għandha testendi mhux biss fost l-istati membri tal-UE iżda wkoll ma’ pajjiżi terzi biex jiġu indirizzati b’mod effettiv dawn l-isfidi.
Din il-laqgħa tal-Kunsill kien presedut għall-ewwel darba mill-Kummissarju Ewropew għad-Demokrazija, Ġustizzja, is-Saltna tad-Dritt u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kummissarju Michael McGrath.
Il-Ministru Attard ħa din l-opportunità biex awguralu għal dan l-irwol u afferma mill-ġdid l-impenn ta’ Malta biex tkompli timplimenta riformi li jsaħħu s-saltna tad-dritt u jiżguraw aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini kollha.