Fi stqarrija, il-Partit Laburista feraħ lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg u lill-uffiċjali u ħaddiema oħra kollha tal-Ministeru għall-mod għaqli kif mexxew il-laqgħat tal-Kunsill Ministerjali tal-OSCE din il-ġimgħa. Laqgħa li matulha kien hemm ftehim kruċjali bejn is-57 pajjiż membri sabiex din l-organizzazzjoni tkompli taħdem għad-djalogu u l-paċi madwar id-dinja fis-snin li ġejjin.
F’mument storiku fejn għajnejn id-dinja kienu fuq pajjiżna, id-Deputat Prim Ministru Borg, fil-kariga tiegħu ta’ Chairperson tal-OSCE għall-2024, flimkien mad-diplomatiċi u l-uffiċjali Maltin, irnexxielhom jikkonkludu b’suċċess in-negozjati diffiċli dwar il-ħatra tal-ogħla erba’ uffiċjali ta’ din l-organizzazzjoni. Skont ir-regoli tal-OSCE, kull deċiżjoni tista’ tittieħed biss jekk ikun hemm qbil unanimu bejn il-pajjiżi membri kollha.
Fi sfond fejn wieħed mill-membri ta’ din l-organizzazzjoni, ir-Russja, jinsab fi gwerra t’aggressjoni kontra membru ieħor, l-Ukrajna, għal dawn l-aħħar snin kien qed ikun diffiċli ferm li f’din l-organizzazzjoni tilħaq konsensus sħiħ biex jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
Fil-fatt, għal dawn l-aħħar xhur, l-organizzazzjoni spiċċat bl-ogħla karigi tagħha battala. Wara xhur ta’ negozjati mill-Presidenza Maltija tal-OSCE, il-ftehim li ntlaħaq f’Malta wassal biex dawn il-karigi imtlew mill-ġdid minn uffiċjali ġodda, bl-approvazzjoni sħiħa tal-57 pajjiż membru.
Fit-tmexxija tal-OSCE din is-sena, id-Deputat Prim Ministru u ħafna uffiċjali Maltin oħra komplew isaħħu l-istima li għandha Malta fil-fora multilaterali, hekk kif pajjiżna jkompli jisħaq fuq l-għajta tal-paċi u d-djalogu. Kif qal id-Deputat Prim Ministru stess f’dawn l-aħħar jiem, jekk ma nagħżlux id-djalogu u l-paċi, l-uniku alternattiva tkun il-kunflitti u l-gwerer.
AQRA AKTAR: