Fl-aħħar 3 snin ġew installati aktar minn ħamest elef u ħames mitt pannella tax-xemx fuq id-djar Maltin bis-saħħa ta’ skemi li nieda l-Gvern biex iħeġġeġ l-użu ta’ enerġija li tiġġedded.
F’dawn l-aħħar tliet sni tqassmu wkoll €1,200,000 lil 2,100 familja biex installaw solar water heaters, sistemi ta’ insulazzjoni għall-bjut, double glazing jew pompi tas-sħana.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi waqt żjara fil-kumpless tal-għaqda Inspire li ngħatat 454 pannella tax-xemx b’investiment ta’ iktar minn €120,000 minn l-aġenzija tal-proprjetà ‘Frank Salt’.
Investiment li se jara l-kont tad-dawl jonqos b’aktar minn €40,000 fis-sena.
Id-direttur ta’ ‘Frank Salt Real Estate’, Grahame Salt spjega li din l-għajnuna tiswa iktar minn sempliċiment għotja ta’ flus. Huwa stqarr: “Irnexxielna nagħmlu hekk għax ovvjament il-pannelli għandhom lifespan ta’ għoxrin sena u wara 4/5 snin u ovvjament allura il 15-il sena li jibqa’ tkun qed tagħti fondi lill-Inspire li kieku tajt flus flus biss ma kinux jaslu għandhom.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Inspire Antontello Gauci rringrazzja lill-kumpanija f’isem dawk kollha li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Fondazzjoni.
Saħaq li l-pannelli se jgħinu b’mod konsiderevoli biex jitnaqqsu l-ispejjeż.
Gauci sostna: “Ħa nnaqsu l-ispiża tagħna b’il fuq minn 40 elf fis-sena. Naturalment tagħmel differenza kollha. Biss biss nafu li kull meta niġu biex insaħħnu t-terapeutic pool li għandna qegħdin nonfqu iktar minn hekk.”
Fiż-żjara tiegħu l-Ministru Mizzi faħħar il-pass biex tkompli tingħata għajnuna li tiswa mitqlu deheb.
Fl-isfond tal-għotjiet li qed jagħmel il-gvern semma l-ħidma li qed issir biex iktar nies u entitajiet jagħmlu użu minn enerġija nadifa u qal li se tkun qed tkompli ħidma permezz tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma.
Dan sabiex iktar negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw minn fondi sabiex jagħmlu l-investiment neċessarju biex isiru iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-ilma tagħhom waqt li jnaqqsu mill-konsum.