Hu stmat 5,500 persuna żaru l-Forti Sant’Anġlu l-bieraħ.
Din kienet l-ewwel darba, wara assenza ta’ tmien snin, li nżammet tradizzjoni li tmur lura ftit inqas minn 130 sena, u f’Jum il-Vitorja Heritage Malta fetħet il-forti għal pubbliku f’Jum il-Vitorja, b’aċċess għal żoni li s’issa ma kinux aċċessibbli għall-pubbliku.
Kelliem għal Heritage Malta qal li nnotaw preżenza qawwija ta’ familji, bit-tfal, nanniet b’kollox, li għamlu l-Forti post fejn ingħaqdu u tgħallmu dwar l-istorja Maltija flimkien.
Kien hemm żewġ ħinijiet meta l-aktar li marru nies – tard filgħodu, għall-ħabta tal-ħdax, u wara nofsinhar meta spiċċat ir-regatta tradizzjonali.
Issa xi jmiss? Il-Forti Sant’Anġlu se jerġa’ jkun miftuħ f’żewġ okkażjonijiet oħra x-xahar id-dieħel: bħala parti min-Notte Bianca fit-tieni jum t’Ottubru, u bħala parti mill-Birgufest fi tmiem-il ġimgħa ta’ wara.
Bħalissa għaddej ix-xogħol fl-aħħar fażi tiegħu, biex il-Forti jkun miftuħ għall-pubbliku b’mod regolari. Jekk kollox jimxi kif pjanat, se jkun miftuħ b’mod regolari sal-aħħar tas-sena.