Fl-2022, il-gradwati tal-livell terzjarju kienu jammontaw għal 5,472. Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, hekk kif ġie spjegat li aktar minn nofs il-gradwati terzjarji kisbu kwalifika fil-Livell 6, jiġifieri Baċellerat jew l-ekwivalenti.
Dawn kienu jammontaw għal 58.5 fil-mija.
Sadanittant 33.1 fil-mija tal-gradwati terzjarji kollha kisbu kwalifika fil-Livell 7 ta’ Masters jew l-ekwivalenti.
L-NSO juri wkoll kif aktar minn nofs il-gradwati terzjarji, jiġifieri 55.6 fil-mija, kienu nisa.
In-nisa qabżu wkoll lill-irġiel f’kull livell tal-edukazzjoni terzjarja, ħlief fil-Livell 8 li hu ekwivalenti għal PhD. Il-biċċa l-kbira tal-gradwati terzjarji kellhom bejn l-20 u d-29 sena u li dawn ammontaw għal 72 fil-mija.
Fl-2022 ukoll 74.4 fil-mija tal-gradwati kisbu kwalifika minn programm fuq bażi full-time.
Il-gradwati barranin laħqu l-1,359, li jiġu daqs 24.8 fil-mija tal-gradwati kollha fil-livell terzjarju u b’hekk dawn żdiedu b’10.6 punti perċentwali fuq is-sena ta’ qabel.
Iċ-ċittadini tal-UE, minbarra l-Maltin, kienu jirrappreżentaw l-akbar proporzjon tal-gradwati terzjarji barranin kollha b’57.8 fil-mija.
Il-qasam ta’ studju tan-‘Negozju, Amministrazzjoni u Liġi’ kien l-aktar wieħed popolari fost il-gradwati terzjarji fl-2022, fejn gradwati f’dan il-qasam kienu jkopru aktar minn terz tal-gradwati kollha b’34.6 fil-mija.
Warajhom kien hemm il-gradwati fis-‘Saħħa u l-Benesseri’ b’19.6 fil-mija. L-‘Agrikoltura, Forestrija, Sajd u Veterinija’ kien il-qasam ta’ studju bl-inqas għadd ta’ gradwati terzjarji, li ammontaw għal 0.3 fil-mija.
Fl-2022, 15.4 fil-mija tal-gradwati kisbu kwalifika f’suġġetti STEM, jiġifieri fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika.
Minn dawn, 597 kienu rġiel, filwaqt li 247 kienu nisa. Il-gradwati nisa f’dan il-qasam żdiedu bi 2.9 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel, filwaqt li l-gradwati rġiel naqsu b’1.8 fil-mija.