Matul is-sena skolastika li għaddiet, id-dipartiment tas-Servizz ta’ Kontra l-Ibbuljar irċieva ħames mija u erbgħa u erbgħin każ ta’ bullying.
Id-Direttur tad-Dipartiment, Sandra Cortis, sostniet li kull meta jiġi rrappurtat każ ta’ bullying, jittieħdu l-miżuri neċessarji skont in-natura tal-każ jew allegazzjoni.
“Ħafna drabi hemm livell ta’ power minnek, għandi l-power aktar minnek. Ġifieri hemmhekk toħroġ ħafna.” Stqarret Cortis.
Dan id-dipartiment joffri diversi sessjonijiet ta’ terapija u gwida kemm mal-vittmi kif ukoll mal-aggressur, li jsiru ma’ psikologi, social workers u professjonisti oħrajn skont il-bżonn tal-individwu.
Issir ħidma msejsa fuq tliet binarji: l-vittma, l-aggressur u dak li ra l-azzjoni flimkien mal-għalliema tal-guidance; li jżuru l-iskejjel fejn ġew irrappurtati dawn l-każijiet u tingħata l-għajnuna professjonali permezz ta’ proċeduri u miżuri stabbiliti.
“Kieku kont fiż-żarbun tiegħu inti, kif qed tħossok? Xi trid tagħmel? Allura ħafna drabi wkoll dak li qed iwettaq l-aġir anke bl-azzjonijiet konkreti jiskuża ruħu.” Kompliet Cortis.
Fil-ġimgħa ddedikata għal aktar għarfien dwar il-bullying, id-Direttur tad-Dipartiment saħqet biex l-attitudni tagħna lejn xulxin tkun waħda pożittiva, u appellat lill-istudenti u l-ġenituri li jekk ikun hemm każ ta’ bullying, jitkellmu.
“Meta jkollhom lill-uliedhom qegħdin jgħaddu minn kull tip ta’ mhux biss bullying, sitwazzjonijiet li qed jaraw lill-uliedhom mhux kuntenti, mhux ferħanin għal xi raġuni ma jieħduhomx hekk leġġeri l-affarijiet qishom xejn mhu qed jiġri xejn nieħdu l-azzjoni mal-ewwel.” Ikkonkludiet.