Fl-ewwel tliet xhur mindu fetħet 543 familja jew individwu applikaw sabiex jifdu ċ-ċens temporanju fuq art li kienet tgħajjat lill-Knisja.
Ħabbru dan il-Ministru Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius f’konferenza tal-aħbarijiet fl-Uffiċju Konġunt.
Kien fl-1992 li dawn l-artijiet għaddew għand il-Gvern bis-saħħa ta’ ftehim bilaterali bejn Malta u s-Santa Sede. Madanakollu kienet inħolqot sitwazzjoni li persuni u familji li kellhom xi tip ta’ proprjetà fuq din l-art kienu jaffaċċjaw il-possibilità li meta jagħlaq iċ-ċens l-art tgħaddi lura għand il-Gvern.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius saħaq li mingħajr skema bħal din li minnha jistgħu jibbenefikaw mal-5,000 familja, il-proprjetà ma setgħetx tinfeda.
L-Onor. Agius spjega li “Kien hemm residenzi li kienu tal-Awtorità tal-Ippjanar li setgħu jinfdew, djar maġenbhom li kienu fuq artijiet jew proprjetajiet tal-Knisja li ġew għand il-Gvern fi żmien il-konkordat tal-1992. Dawn ma setgħux jintifdu.”
L-iskema tgħin ukoll sabiex jiġu rreġistrati l-propjetajiet kollha fuq l-art tal-Knisja. Dan skont il-ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-Knisja.
Il-Ministru Ian Borg spjega li sal-2013 kienu rreġistrati biss madwar kwart tal-proprjetajiet kollha li kienu għaddew għand il-Gvern.
Qal li l-applikazzjonijiet li saru sa issa se jibdew jiġu pproċesati fl-aħħar ta’ Marzu iżda ċċara li l-iskema se tibqa’ miftuħa sabiex iktar nies eleġibbli jkunu jistgħu jikkonkorru
Dr Borg fisser li “F’dawn l-ewwel tliet xhur rajna kif iktar minn 500 familja resqet ‘il quddiem sabiex issir is-sid tad-dar li tgħix fiha. Dan se tagħmlu għax il-Gvern Laburista bir-ruħ soċjali tiegħu fetaħ din l-iskema. Ftaħnieha mingħajr ma qed ngħidu meta se tagħlaq anzi qed ngħidu li se nħalluha miftuħa.”
Il-Ministru Borg saħaq li din l-iskema qed tmur pari passu ma’ inizjattivi oħra li qiegħed jieħu l-Gvern bħall-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli sabiex iktar u iktar nies isiru s-sidien ta’ djarhom.