Il-persuni jgħixu f’Malta, sal-aħħar tas-sena elfejn u tnejn u għoxrin, qabżu l-ħames mija u tnejn u erbgħin elf, b’aktar minn nofs miljun jgħixu f’Malta, waqt li ftit aktar minn erbgħin elf fuq il-gżira Għawdxija.
Il-persuni li għandhom bejn tletin u disgħa u tletin sena ammontaw għall-akbar faxxa tal-popolazzjoni, bi kważi dsatax fil-mija f’Malta u aktar minn ħmistax fil-mija f’Għawdex.
Dan joħroġ minn pubblikazzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, imsejħa ‘Regional Statistics Malta 2024 Edition’ u li tieħu l-2023 bħala s-sena bażi.
Minnha joħroġ ukoll li, f’ħames snin, bejn l-elfejn u sbatax u l-elfejn u tnejn u għoxrin, il-popolazzjoni f’Malta esperjenzat tkabbir ta’ aktar minn wieħed u sittin elf persuna.
Il-maġġoranza fil-grupp tal-anzjani, li kellhom ħamsa u sebgħin sena jew aktar sa tmiem l-2022, kienet magħmula min-nisa.
Dan anke jekk f’Malta, l-akbar ammont ta’ nisa, instabu fil-faxxa ta’ dawk bejn it-tletin u d-disgħa u tletin sena, filwaqt li, f’Għawdex, il-maġġoranza tan-nisa kellhom bejn is-sittin u d-disgħa u sittin sena.
Kienu l-lokalitajiet fit-Tramuntana tal-Port u fit-Tramuntana tal-pajjiż li l-aktar esperjenzaw żieda fil-popolazzjoni, b’aktar minn wieħed u għorxin fil-mija. B’kuntrast, il-lokalitajiet fin-naħa t’isfel tal-port esperjenzaw l-inqas żieda.