Dylan Magro ta’ 27 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat fost l-oħrajn li ta xebgħa lis-sieħba tiegħu u kaxkarha minn xagħarha, waqt li kellha tmien xhur tqala.
Iż-żagħżguħ kien ilu mfittex għal disa’ xhur sħaħ minn meta seħħ dan il-każ fid-dar tal-allegata vittma f’Marsaskala.
Fil-Qorti ntqal kif l-akkużat laqat b’mod vjolenti lis-sieħba tiegħu ġo rasha bil-mowbajl tagħha, u għamel ħsara lill-apparat. Huwa ġie mixli li sawwatha u ħadilha a ċ-ċwievet tal-karozza.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-mara irnexxielha tasal l-għassa bil-mixi, u kien f’dan il-ħin li l-akkużat għeb.
L-indirizz fuq il-karta tal-identità tiegħu huwa ta’ dar abbandunata, u għalhekk il-pulizija kellhom ifittxuh f’residenzi ta’ xi qraba.
Intqal li Spetturi oħra tal-Pulizija kienu qed ifittxuh għal żewġ każijiet separati li kellu.
Magro tpoġġa fil-lista tan-nies imfitxxija u anke ġew ippubblikati ir-ritratt u l-informazzjoni tiegħu għall-għajnuna tal-pubbliku.
Wara li seħħ dan, il-Facebook tal-akkużat tneħħa.
Xi xhur wara, il-pulizija waslitilha informazzjoni li Magro seta’ kien fid-dar tas-sieħba tiegħu, u meta dawn marru sabuh.
Iżda xħin pruvaw jidħlu għalih dan irnexxielu jaħrab minn fuq ħajt għal ġo sit ta’ kostruzzjoni.
It-Tlieta li għadda Magro ta ruħu b’idejh għand il-Pulizija fid-depot tal-Floriana.
Huwa wieġeb mhux ħati, bl-avukat tal-għajnuna legali talab li jsir rapport psikjatriku fuq is-saħħa mentali tal-akkużat.