Ħamest elef, erba’ mija u ħamsa.
Dan in-numru ta’ twissijiet li nħarġu mill-LESA – l-Aġenzija responsabbli mill-Infurzar Lokali. Ħamest elef twissija li nħarġu minflok multa, biex minflok tippenalizza, teduka lin-nies.
Imnedija f’Marzu li għadda, din is-sistema ta’ twissijiet laqtet l-iktar lil dawk mingħajr liċenzja aġġornata mwaħħla.
Fil-fatt kienu tlett elef, sitt mija u sebgħa u sebgħin it-twissija dwar liċenzja mhux imwaħħla jew skaduta.
Elf, mija u sebgħa u disgħin twissija ħarġu fuq parkeġġ illegali, f’każi fejn ma kienx hemm ostuzzjoni għat-traffiku.
Erba’ mija u ħdax-il twissija inħarġu minħabba li l-vetturi ma kinux f’kundizzjoni tajba, li jinkludi mirja tal-ġenb neqsin fost l-oħrajn.
Sitta u ħamsin twissija inħarġu ħabba li d-dwal ma jaħdmux. Tmienja u erbgħin għal fanali mkissra. U sittax-il twissija għal silencer difettuż.
Dawn it-twissijiet jitniżżlu fis-sistema tal-LESA, u f’każ li r-regola terġa’ tinkiser, tinħareġ iċ-ċitazzjoni.
Fil-każ ta’ dawn is-sitt kontravvenzjonijiet, mill-elfejn u ħmistax, fi sbatax-il xahar inħarġu tmienja u għoxrin elf ċitazzjoni – għal total ta’ seba’ mitt elf ewro.
Flus li issa qed jibqgħu fil-bwiet ta’ dawk imwissija, bit-tama li r-regoli ma jinkisrx darb’oħra.