L-Organizazzjoni anti-diskriminatorja internazzjonali ‘Kick It Out’ qalet li ta’ kull ġimgħa, qed tħabbat wiċċha ma’ inċidenti ta’ mibgħeda fil-futbol. B’kollox fl-istaġun li għadda, l-organizazzjoni rċiviet 402 rapporti ta’ diskriminazzjoni, żieda minn 393 fl-istaġun ta’ bejn l-2014 u l-2015.
Minn dawn, 135 kienu waqt logħob professjonali b’122 minnhom ikollhom partitarji involuti. L-aktar żieda sinifikanti f’rapporti kkonċernaw il-media soċjali, b’194 inċidenti rrapurtati. Dan ifisser żieda ta’ 18% fil-mija.
Tlettax-il rapport involva allegazzjonijiet kontra players, coaches u managers, kważi d-doppju tan-numru tal-istaġun ta’ qabel.
54% tal-inċidenti kienu relatati ma’ diskriminazzjoni razzjali. 20.5% kienu reltatati mat-twemmin, u 17% kienu marbuta mal-orjentazzjoni sesswali. L-istess organizazzjoni issa qed isejjaħ lill-isponsors u l-awtoritajiet tal-futbol biex jaħdmu flimkien u jindirizzaw il-kwistjoni.
Iċ-chairman ta’ Kick It Out, Lord Herman Ouseley qal li proġetti edukattivi kapaċi jgħinu f’din is-sitwazzjoni.