Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis awgura futur mill-isbaħ lil erbgħa u ħamsin student u studenta li b’suċċess lestew il-kors ta’ care assistant bejn April tal-2017 u Frar tal-2018, li jagħmel parti mill-Programm għall-Arti u x-Xjenzi Liberali (PLAS) fl-Università ta’ Malta.
Anthony Agius Decelis saħaq li dan il-kors ġie żviluppat bl-għan biex studenti jiksbu għarfien u ħiliet prattiċi sabiex joffru appoġġ lil anzjani li jkunu qed jieħdu kura fit-tul u lil professjonisti sabiex ikunu jistgħu jaħdmu b’mod effettiv.
Il-Professur Joseph M. Cacciottolo, Pro-Rettur tal-Università ta’ Malta, qal li dan il-kors huwa eżempju ta’ kif permezz taċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali (CLAS), l-Università qed taqdi l-missjoni tagħha li tilħaq setturi usa’ tas-soċjetà u qed toffri opportunitajiet flessibbli ta’ tagħlim li jtejjeb il-kwalità tat-taħriġ fil-qasam tal-kura tal-anzjani.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paule, Dr Josianne Cutajar, stqarret li San Vinċenz de Paule jibqa’ impenjat u jinvesti bil-kbir f’dak li hu taħriġ u tagħlim speċjalizzat u professjonali sabiex dejjem titjieb il-kwalità tas-servizzi li jirċievu l-anzjani. Dr Cutajar kompliet tgħid li din il-kollaborazzjoni ssarfet f’diversi korsijiet speċjalizzati fil-kura tal-anzjani, fosthom il-kors tal-care assistants, baċċellerat speċjalizzat għall-infermiera, u programmi oħra ma’ diversi fakultajiet.
Anthony Agius Decelis irringrazzja lil Dr Cutajar u lil Professur Cacciotolo ta’ dan l-investiment u l-kollaborazzjoni li qed twassal biex aktar persuni jidħlu f’dan is-settur tant importanti għal pajjizna.