Għar-raba sena konsekuttiva, l-istudenti tal-kulleġġ San Injazju ingħaqdu mal-kampanja “Catch the Drop” ta’ HSBC biex permezz tal-arti, jwasslu messaġġ b’saħħtu dwar is-sostenibilità tal-ilma u jiġbru l-flus għal Malta Community Chest Fund.
Matul dawn is-snin, bl-għajnuna tal-għalliema tal-arti, l-istudenti f’livell sekondarju ħejjew diversi pitturi li hekk kif jitlestew jitpoġġew għall-irkant. Irkant li iktar kemm jgħaddi ż-żmien iktar qed jikseb il-popolarita b’ dak tas-sena l-oħra jħalli iżjed minn 600 ewro fil-fond tal-Community Chest Fund.
Din is-sena, l-istudenti ħejjew iżjed minn 50 pittura. Ħamsin pittura li jvarjaw bejn dawk b’messaġġ astratt relatat mal-ilma u oħrajn b’xeni pittoreski tal-ibħra Maltin.
Kristyl Farrugia, waħda mill-istudenti li kienet qed tesibixxi l-arti tagħha, esprimiet is-sodisfazzjon personali għall-fatt li qed tgħin lil ħaddieħor permezz tat-talent artistiku tagħha.
F’din l-esebizzjoni bl-isem ta’ ILMA, l-istudenti tal-skejjel primarji fi ħdan il-Kulleġġ San Injazju, amalgamaw l-arti mal-mużika permezz ta’ kor li l-mużika tiegħu twassal messaġġi relatati mal-ilma u l-ħajja.
Maria Pace, il-prinċipal tal-kulleġġ qalet li din hija opportunità biex l-istudenti jingħaqdu mal-għalliema u permezz tal-arti, jitgħallmu b’mod prattiku kif jikkontribwixxu lejn is-soċjetà.
Intant f’diskors waqt l-esebizzjoni, il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, qalet li huwa ta’ unur għaliha li tara tant żgħażagħ żgħar, jagħżlu l-arti u l-pittura bħala mezz biex jikkontribwixxu lejn il-Malta Community Chest Fund.