54 midalja intrebħu minn persuni b’diżabilità li jattendu s-servizzi ta’ Aġenzija Sapport waqt il-logħob ta’ Special Olympics Invitational Games 2022 li seħħew f’Malta fl-aħħar jiem.
Dawn il-klijenti, li jammontaw għal aktar minn 50 atleta, ipparteċipaw fid-dixxiplini sportivi tal-għawm, il-boċċe, table tennis u bowling.
Fost dawn il-midalji hemm 12 tad-deheb, 17 tal-fidda u 14 tal-bronż. Dawn ir-rebħiet sinifikanti huma riżultat ta’ madwar sentejn ta’ taħriġ professjonali u intensiv li ħafna mill-atleti ħadu permezz ta’ ftehim bejn Aġenzija Sapport u Special Olympics Malta li kienu strumentali sabiex l-atleti jaslu sa dan il-livell li jipparteċipaw u jikkompetu fuq livell internazzjonali f’dan l-avveniment sportiv.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, Għaqdiet Volontarji u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli awgurat lil kull atleta li mhux biss kiseb midalja iżda li ħaddan il-messaġġ li l-abilità hija ferm akbar mid-diżabilità.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, is-Sur Oliver Scicluna, irrefera lejn dan is-suċċess bħala wieħed strumentali għax mhux biss ikompli jgħin lill-atleti sabiex iżidu l-fiduċja fihom infushom iżda wkoll ikunu ta’ mudell u motivazzjoni għal persuni oħra sabiex jibdew jipprattikaw sports.