Aktar min-nofs il-Maltin jgħaddu minn waqtiet meta jħossuhom waħedhom. Dan ifisser żieda ta’ aktar minn ħdax fil-mija fuq l-ewwel stħarriġ, li sar tliet snin ilu.
Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Fakultá għat-Tisħiħ tas-Soċjetà tal-Università ta’ Malta, li fih ipparteċipaw aktar minn sitt mitt persuna ta’ ’l fuq minn ħdax-il sena.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ li numru inkoraġġanti ta’ 90.7 fil-mija jirreaġġixxu b’mod tajjeb għal sitwazzjonijiet stressanti f’ħajjithom. Minkejja dan, 7.4 fil-mija qalu li ma jirreaġixxux daqshekk tajjeb u 1.8 fil-mija kklassifikaw bħala li jaġixxu b’mod fqir f’sitwazzjonijet skomdi.
Mill-istħarriġ ħareġ ukoll li tlieta minn kull għaxar persuni jħossu li m’għandhomx ħabib tal-qalb, b’dan in-nuqqas jinħass l-aktar fost dawk li għandhom sa 20 sena.
Minn dan l-istudju ħareġ li 28.4 fil-mija tal-irġiel f’pajjiżna jħossu n-nuqqas ta’ nies madwarhom. Dan huwa kważi iktar minn tlieta fil-mija iktar meta mqabbel man-nisa li rrispondew din l-istess mistoqsija.
Minn lenti pożittiva nistgħu naraw li kważi tliet kwarti taċ-ċittadini f’pajjiżna jħossu li jistgħu jikkuntattjaw lil sħabhom f’każ ta’ bżonn u l-maġġoranza tan-nies – kważi ħamsa u sittin fil-mija – jgħidu li hemm ħafna nies li jistgħu jafdaw.
Mill-istess stħarriġ ħareġ li aktar minn tliet kwarti tal-popolazzjoni, jiġifieri iktar minn tlieta u erbgħin elf persuna, iħossu li hemm biżżejjed nies li huma qrib tagħhom. Mill-banda l-oħra, 9 fil-mija qalu li m’hemmx biżżejjed nies li jħossuhom qrib tagħhom. Dan is-sentiment kien l-ogħla fost l-anzjani, b’10.8 fil-mija tan-nies li għandhom iktar minn 55 sena iddikjaraw li ma jħossux li hemm biżżejjed nies li jħossuhom qrib tagħhom.
Intant, l-istħarriġ għamel diversi rakomandazzjonjijiet biex tonqos is-solitudni fost il-Maltin. Il-linja telefonika 1772, li fetħet il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali għal persuni li jħossuhom waħedhom, għadha miftuħa u l-Ministeru responsabbli mill-Ħarsien Soċjali qal li s-servizzi mogħtija mill-Fondazzjoni se jkomplu jissaħħu sabiex tkompli tingħata l-għajnuna neċessarja lil nies li jħossuhom iżolati jew waħedhom.