Il-Ġimgħa filgħaxija tnediet il-ħdax-il edizzjoni tal-maratona tal-volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza. F’din il-maratona ta’ 53 siegħa, 40 parteċipant qed jisfidaw is-sħana qawwija sabiex jiġbru d-donazzjonijiet għal din id-dar li tilqa’ fiha 115-il persuna b’diżabiltà.
Il-ftuħ ta’ din il-maratona saret mill-President ta’ Malta, George Vella li qal kif huwa jammira lil dawk kollha li qed jieħdu sehem f’din il-maratona sabiex jgħinu li ħaddieħor, billi jagħtu l-ħin tagħhom.
Preżenti għall-ftuħ ta’ din il-maratona kien hemm is-Segretarji Parlamentari Clifton Grima u Anthony Agius Decelis li qalu kif permezz tal-isport il-voluntiera ngħaqdu flimkien sabiex jgħinu lil ħaddieħor u qalu li għalkemm il-bżonnijiet għal din id-dar huma kbar, il-ġenoriżità tal-Maltin hija akbar.
Min naħa tiegħu, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr. Martin Micallef qal kif barra din id-dar ewlenija fis-Siġġiewi hemm erba’ t’idjar residenzjali għal nies b’diżabiltà fejn għandhom l-affarijiet neċessarji u għal kumidità tagħhom. Huwa qal ukoll li sa din is-sena se tkun lesta’ dar oħra fil-Balluta.
Fr Martin Micallef qal ma’ ONE News li d-Dar tal-Providenza toffri s-servizz sabiex jgħixu l-ħajjiethom b’mod dinjituż.
Fr Martin qal, “Id-Dar tal-Providenza toffri servizzi residenzjali lil persuni b’diżabilta li jkollhom bżonn jgħixu f’dar residenzjali u d-dar tara li dawn il-persuni jkollhom l-aqwa tip ta’ ħajja possibli, bl-aqwa servizzi possibli kif għandu dritt kulħadd.”
Huwa qal li minn żmien għal żmien f’dawn id-djar isiru investimenti neċessarji, li l-flus kollha ġejjien mid-donazzjonijiet tal-pubbliku.
“Id-Dar tal-Providenza minn żmien għal żmien tinvesti f’servizzi ġodda wkoll, li huma ta’ benefiċċju għal persuni b’diżabilta li jgħixu fid-djar tagħna u allura l-għajnuna li l-poplu Malti se jkun mitlub biex jagħti f’dawn il-ġranet se jmorru direttamemt għal ġid ta’ dawn il-persuni.” Kompla Micallef.
ONE News tkellem ma’ żewġ parteċipanti li qegħdin jieħdu sehem f’din il-maratona tal-volleyball, li minkejja hija waħda diffiċli hekk kif qegħdin f’eqqel tas-sajf iżda xorta jsibu sodisfazzjon f’dak li qed jagħmlu għax qed jgħinu lil min verament għandu bżonn.
“L-ewwelnett l-atmosfera li tinħoloq u hekk hija xi ħaġa li ttik sodifazzjon u l-fatt ilhi qed tagħmel xi ħaġa li qed tagħti lil ħaddieħor, wara meta tlesti tħossok sodifatt ilhi għamilt xi ħaġa inti, tkun altruwist għax aħna dejjem irridu fil-ħajja.” Stqarr Ray Attard.
Cinzia Fenech qalet, “Tgħajja ehe imma tkun taf għalxiex qed tagħmilha u l-iskop għal warajha, tibqa’ tisforza sakemm fl-aħħar idoqqu nofsillejl, tispiċċa l-maratona, tkun taf is-somma li nġabret u tgħid ehe jien għandi parti min din is-somma u taf li l-ġid li qed isir f’din id-dar, fl-aħħar mill-aħħar tkun sodisfatt.”
Intant fl-għodwa tas-Sibt il-Prim Ministru Joseph Muscat żar lir-residenti u l-voluntiera ta’ din id-dar, waqt li awgura lill-erbgħin parteċipant li qegħdin jieħdu sehem f’din il-maratona.
Il-maratona tkompli sal-Ħadd filgħaxija. Wieħed jista’ jmur fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fejn ikun hemm spettaklu kontinwu u jista’ jsegwi dan ukoll fuq l-istazzjon ONE.