Ħamest elef u mitejn first-time buyer se jirċievu l-ħlas bħala parti mill-iskema ta’ €10,000 fuq għaxar snin. Din l-għotja hi xhieda tal-impenn kontinwu tal-Gvern biex ikompli jappoġġja lil dawk li jixtru dar għall-ewwel darba.
Dan ingħad mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, fejn spjega kemm il-Gvern, permezz ta’ din l-inizjattiva, qed jara li l-ħolma ta’ kull min jixtieq ikun sid ta’ daru ssir realtà.
Il-Ministru Galdes spjega li matul din il-ġimgħa kważi 2,800 first-time buyer li xtara proprjetà fl-2022 se jkunu qegħdin jirċievu t-tieni pagament tagħhom, filwaqt li kważi 2,220 first-time buyer se jkunu qegħdin jirċievu l-ewwel għotja ta’ €1,000 fis-sena.
Bejn is-sena li għaddiet u din is-sena, il-Gvern se jkun investa aktar minn sebgħa punt sebgħa miljun ewro għal din l-iskema.
Il-Ministru Galdes tenna li b’din l-għajnuna finanzjarja, aktar familji u żgħażagħ qed ikunu mgħejjuna jsiru sidien ta’ darhom. Hu qal li l-istrateġija ħolistika li qed iħaddem dan il-Gvern qed tgħin biex ikompli jitjieb il-qasam tal-akkomodazzjoni, filwaqt li jħares il-bżonnijiet diversi taċ-ċittadini.
Hu kompla li, minbarra din l-għotja, il-Gvern qed jimplimenta għadd ta’ miżuri oħrajn, bil-għan li jkun hemm tisħiħ fis-settur bħall-bini ta’ housing soċjali u affordabbli, skemi ta’ self u l-benefiċċju tal-kera, kif ukoll li jintroduċi policies li jistabbilizzaw dan is-settur biex ikun żgurat li jibqa’ aċċessibbli għal kulħadd.
“Għal darb’oħra erġajna wettaqna wegħda oħra tal-manifest ellettorali fejn madwar 2,200 żagħżugħ jew adult li xtara l-ewwel proprjetà tiegħu bdew jirċievu l-għotja ta’ elf ewro kif konna wegħedna fil-manifest għal għaxar snin sħaħ. B’hekk inkunu qegħdin nagħtu madwar €10,000. Interessanti l-fatt li l-istatistika turi 52% ta’ dawk li xtraw proprjetà s-sena li għaddiet kienu single income earners, bi dħul wieħed. Dan ifisser ukoll li għandna trends differenti, fis-soċjetà tagħna, imqabbel ma’ dak li kien jiġri għaxar snin, ħmistax-il sena ilu, fejn aktar single persons jixtru l-proprjetà, b’hekk l-istat qed jgħin lil dawn il-familji u lil dawn iż-żgħażagħ biex jagħtihom dik l-imbottatura biex jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, tkellem dwar l-impenn li jibqgħu jissaħħu dawn l-iskemi innovattivi, waqt li jiġu offruti servizzi aktar diġitali u effiċjenti.