Sitt ijiem biss wara r-riformi fil-liġi tal-kostruzzjoni, 520 sit komplew bix-xogħlijiet tagħhom wara li l-periti kkonfermaw li ma jeżisti l-ebda periklu.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li din hu turija ta’ kemm il-pubbliku qed jifhem il-liġi l-ġdida u r-responsabbiltà li jġib miegħu dan is-settur.
Dr Borg qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ħabbar sistema ta’ kif il-periti jistgħu japplikaw għal eżenzjonijiet minn dawn ir-riformi.
Eżenzjonijiet li jikkwalifikaw għalihom biss jekk fost oħrajn il-proġett ikun wasal fi stadju avvanzat.
Intwera wkoll kif periti jistgħu japplikaw għal eżenzjoni minn partijiet individwali fir-riformi fil-liġi. Dan jista’ jseħħ meta fost oħrajn il-proġett tant ikun wasal fi stadju avvanzat li ma jkunx hemm għalfejn li jżidu l-koperta tal-assigurazzjoni b’ħamsin fil-mija.
Il-Ministru Borg saħaq li l-eżenzjoni mill-bżonn li jiġi appuntat uffiċjali tekniku tas-sit tapplika biss għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u mhux ta’ twaqqigħ u skavar.
Fil-konferenza ntqal kif dawn l-applikazzjonijiet ta’ eżenzjoni jiġu approvati biss mill-Uffiċċju tar-Regolamenti tal-Bini filwaqt li ser ikunu disponibbli fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar iktar tard illum.