Sena qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, tnejn u ħamsin fil-mija tal-votanti, jiġifieri l-maġġoranza tal-elettorat, wieġbu li fl-elezzjonijiet se jsiru f’Mejju tas-sena d-dieħla, se jkunu qed jivvotaw biex juru appoġġ lejn il-Gvern Malti.
Dan ħareġ minn stħarriġ indipendenti tal-Ewrobarometru, li sar fl-okkażjoni tas-sena mill-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. L-istħarriġ wera wkoll kif il-Maltin huma l-iktar poplu mill-Unjoni Ewropea kollha, li se jkunu qed jappoġġjaw lill-Gvern tagħhom.
Mill-istħarriġ indipendeti jirriżulta li dawk li se jivvutaw biex jesprimu nuqqas ta’ sodisfazzjon mal-Gvern Malti, jammontaw għal wieħed u għoxrin fil-mijja.
Dan b’kuntrast ma’ dak li wieġbu l-kumplament tal-Ewropej. Dan hekk kif meta mistoqsija għalfejn se jivvutaw fl-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, tnejn u għoxrin fil-mijja biss qalu li se jużaw il-vot tagħhom biex jappoġġjaw il-Gvern f’pajjiżhom.
Mill-istess stħarriġ jidher li l-Maltin huma fost l-iktar popli Ewropej li se jkunu qed jipparteċipaw bi ħġarhom f’dawn l-elezzjonijiet. Filfatt Malta klassifikat fit-tielet post b’wieħed u sittin fil-mija, wara l-Olanda u l-Irlanda. L-inqas interessati li jivvutaw huma r-Repubblika Ċeka, b’wieħed u għoxrin fil-mija.
Mistoqsija jgħidu jekk pajjżna għamilx tajjeb li ssieħeb fl-Unjoni Ewropea, erbgħa u sebgħin fil-mijja tal-Maltin wieġbu fil-pożittiv. Madanakollu, huma biss disgħa u erbgħin fil-mija li jħossu li l-vuċi tagħhom tgħodd fl-Unjoni Ewropea. Filfatt, sebgħa u ħamsin fil-mija wieġbu li l-vuċi tagħhom iktar tinstema’ f’pajjiżna.
Fid-dawl tal-postijiet tax-xogħol dejjem jiżdiedu, u ekonomija kulma jmur tikber, mistoqsija dwar għadd ta’ temi, l-Maltin qalu li fost l-inqas li jinkwetawhom huma l-qagħad u l-ekonomija.