52 kuntistabbli, 35 raġel u 17-il mara, ingħataw il-ħatra fir-rank ta’ Surġent f’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
L-Ministru Abela rrimarka li preżentament il-Korp tal-Pulizija għaddej minn żmien ta’ ristrutturar fir-riżorsa umana għal titjib fis-servizz lis-soċjeta’
Huwa semma’ kif riċentament inħarġu sejħiet għal applikazzjonijiet f’livelli maniġerjali, fosthom għal karigia ta’ Deputat Kummissarju u Assistent Kummissarju.
Spjega kif bħalissa għaddej ukoll il-proċess ta’ intervisti għal kariga ġdida ta’ Kap Eżekuttiv fil-Korp tal-Pulizija li se jkun qed jaħdem qrib il-Kummissarju tal-Pulizija fuq prijoritajiet amministrattivi. Huwa stqarr li l-mira hi li r-rwol tan-nies ċivili fil-Pulizija jikber biex il-pulizija jkunu jistgħu jibqgħu iffukati fuq xogħol li huwa strettament tal-pulizija u jipprevenu l-kriminalita’.
Il-Ministru Abela żied jgħid li preżentament għaddejin ukoll żewġ reklutaġġi oħra. Dak fil-kariga ta’ Spettur flimkien ma dak ta’ kuntistabbli fejn bħalissa hemm 120 rekluta għaddejin bil-programm ta’ taħriġ.
Il-Ministru qal li dan it-tisħiħ fir-riżorsa umana, fiż-żmien li ġej, se jkun ikkumplimentat bit-tfassil ta’ programmi ta’ taħriġ ġodda fl-Akkademja għal Korpi Dixxiplinari biex il-ħiliet meħtieġa fir-ranks individwali jkomplu jiżviluppaw.
Huwa temm id-diskors tiegħu billi innota kif b’kollox fl-aħħar tliet snin, 112-il kuntistabbli se jkunu ngħataw l-opportunitá li jiġu promossi fil-kariga ta’ surġent wara li tal-inqas ikunu servew 3 snin servizz u għaddew mill-iskrutinju ta’ bord ta’ għażla u l-eżamijiet.