Tnejn u ħamsin sena ilu, il-Gvern Malti mmexxi mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Dom Mintoff iffirma ftehim storiku mal-Gvern Brittaniku.
B’dan il-ftehim importanti wassal biex fil-31 ta’ Marzu tal-1979, l-Ingliżi kellhom jitilqu darba għal dejjem minn pajjiżna.
Dan il-ftehim mal-Gvern Ingliż kien dwar ir-reviżjoni tat-Trattat tad-Difiża. Dan it-trattat għall-għaxar snin kien ġie ffirmat fil-kisba tal-Indipendenza f’Settembru tal-1964.
F’Ġunju tal-1971, il-Partit Laburista mmexxi minn Dom Mintoff rebaħ l-elezzjoni ġenerali u minnufih bdew in-negozjati bejn iż-żewġ pajjiżi.
Dan wassal biex fis-sitta u għoxrin ta’ Marzu tal-elf disa’ mija tnejn u sebgħin, f’Marlborough House f’Londra ġie ffirmat ftehim bejn il-Prim Ministru Dom Mintoff u s-Segretarju tal-Istat Ingliż Lord Carrington.
F’dan il-perjodu ta’ seba’ snin, bejn l-1972 u l-1979, l-Ingliżi ntrabtu li jħallsu ferm aktar minn dak li kienu jħallsu qabel. Dan hekk kif riedu jħallsu lill-Gvern Malti erbatax-il miljun lira sterlina fis-sena.
Dan fisser kważi t-tripplu minn dak li kien innegozja George Borg Olivier u l-għotjiet ma kinux parti minnhom self, bħal dak maqbul fl-Indipendenza, fl-1964.
Dan il-ftehim wassal biex fil-31 ta’ Marzu tal-1979, l-Ingliżi telqu darba għal dejjem minn pajjiżna.
Tnejn u ħamsin sena wara din il-ġrajja, il-Partit Laburista se jfakkar din il-kisba storika, f’attività nhar it-Tlieta mis-sitta u nofs ta’ filgħaxija ’l quddiem f’Xatt ir-Risq, fil-Birgu. Se jindirizza lil dawk preżenti, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela.