Il-Gvern ħabbar żieda ta’ 34,000 tunnellata fil-kwota tat-tonn li se tinqasam bejn is-sajjieda kollha inkluż dawk żgħar li jaħdmu full time u joperaw b’bastiment ta’ taħt it-tnax-il metru.
Ma’ ONE NEWS, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri spjega kif għall-ewwel darba l-Gvern irdoppja n-numru ta’ sajjieda li jisgħu jistadu għat-tonn.
“Ħabbarna 52 liċenzja ġdida għas-sajjieda li qatt ma kellhom l-opportunita’ li jistadu għal din il-ħuta u propju din hija l-politika tal-gvern – filwaqt li nsaħħu lis-sajjieda eżistenti nagħtu inċentiv u opportunità lil sajjieda sabiex inkomplu nsaħħu l-flotta Maltija fil-qasam tas-sajd,” qal is-Segretarju Parlamentari.
Dawn is-sajjieda ser ikunu jistgħu jaqbdu tonn abbażi tal-qabda li għamlu fit-tliet snin li għaddew għall-pixxispad; bil-qabda tvarja bejn l-400kg tonn sa 1,500kg.
Jamie Micallef – sajjied żagħżugħ li jaqla l-għajxien tiegħu mill-baħar, qal ma’ ONE NEWS li għalih din il-liċenzja se tgħinu jimxi ‘l quddiem:
“Din il-liċenzja tiswa ħafna – huwa nċentiv biex aħna s-sajjieda ż-żgħar nimxu ‘l quddiem. Għax fejn qabel naqbdu t-tonn u konna narmuh għax ma nistgħux naqbduh għax ma kellniex il-permess illum għandna l-permess u nistgħu indaħluh bħal ma jagħmel ħaddieħor,” qal is-Sur Micallef.
Tonio Cauchi sajjied ieħor Xlukkjar li għandu bastiment żgħir qal li b’din il-liċenzja, is-sajjieda mhux se ikollhom il-biża’ meta jaqbdu t-tonn:
“Liż-żgħir tgħinu, l-affarijiet inbidlu u ħadu xejra differenti għall-aħjar għax ħuta issa nistgħu niddikjarawha u mhux bil-biża jew fis-sens tarmiha. Ħasra hux konna mmorru għall-pixxispad – taqbad it-tonn u trid tarmih. L-ispejjeż tibqa’ toħroġhom xorta u ġieli qas naqbdu pixxispad. Tkun trid tidħol bihom u ma tistax, naħseb li lis-sajjieda se tgħinhom ħafna,” sostna Cauchi.