Matul is-sena li għaddiet, ġew allokati xejn inqas minn 514-il unit ta’ akkomodazzjoni soċjali lil familji Maltin u Għawdxin.
Sena rekord, hekk kif dan hu l-akbar ammont ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali li ġew allokati lil familji f’pajjiżna f’sena waħda.
Dawn il-familji ġew allokati wieħed mill-postijiet ta’ akkomodazzjoni li jinsabu fl-Imsida, is-Siġġiewi, Bormla, il-Qrendi, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Luqa u Ħal Kirkop, li jagħmlu parti mill-akbar proġetti ta’ housing soċjali f’pajjiżna, fl-aħħar erbgħin sena, b’investiment totali ta’ mija u għaxar miljun ewro.
Proġetti li qed jinbnew madwar Malta u Għawdex li mhux biss jaħsbu għall-bżonnijiet tal-preżent, imma anke jaqdu l-ħtiġijiet tal-futur. Fl-istess waqt, li huma binjiet maħsubin fid-dettall biex anke jippriservaw iż-żoni tal-madwar.
Dawn l-appartamenti qatt ma jkunu għall-bejgħ u fl-ebda mument ma jistgħu jinxtraw, filwaqt li l-kirja soċjali tinħadem skont id-dħul tal-familja.
L-Awtorità tad-Djar hi impenjata biex dawn il-postijiet jingħataw lil min verament ħaqqu, fejn jgħaddu minn għarbiel rigoruż biex ikun assigurat li kulħadd ikollu għajxien xieraq. Dan filwaqt li l-istess Awtorità baqgħet tiżgura li l-proprjetajiet tal-Gvern jingħataw lil minn vera ħaqqu.
Fil-fatt, fl-2024, l-Awtorità tad-Djar irkuprat mitejn u tlett iċwievet wara investigazzjonijiet ta’ allegat abbuż u proprjetajiet mhux utilizzati. Ħidma intensiva, anke meta wieħed iqabbilha mas-snin ta’ qabel, fejn l-Awtorità spiċċat tiġbor id-doppju ta’ snin preċedenti.
Proprju dwar dan, tkellimna mal-Kap tas-Sezzjoni tal-Proġetti u Immaniġġjar tal-Proprjetà u l-Proġetti, Gino Micallef.
Hawn spjega li dan mhux biss sar grazzi għall-inforzar u l-ispezzjonijiet li jitwettqu ta’ sikwit, imma wkoll il-ħsibijiet tal-persuni li jkunu jgħixu f’dawn id-djar.
“Il-poplu qed jirrikorri, qed ikun aktar matur li meta jitlaq persuna li jkun avvanzat jew jiġi nieqes. Dawn jiġu volontarjament biċ-ċwievet huma. Hemm spezzjonijiet li jsiru random, għandna spezzjonijiet li jsiru minn tip-offs u tagħmel spezzjonijiet skont il-bżonn.”
Madankollu l-ħidma ma tiqafx hemm. Hekk kif anke għal din is-sena, għaddejja l-ħidma fuq bosta proġetti oħrajn f’għadd ta’ lokalitajiet.
Fosthom f’sit f’Ħal Farruġ, proġett li għandu medda ta’ art ta’ madwar 10,000 metru kwadru, b’investiment ta’ madwar erbgħin miljun ewro.
Dwar dan, kellimna lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes.
“L-akbar proġett f’Ħal Farruġ, fejn hemmhekk madwar mitejn u seba’ u sittin appartament, u anke tliet mitt garaxx. Biex finalment inkomplu nilħqu l-mira tagħna li dan il-Gvern jinvesti bil-fatti biex ikollna familji aktar dinjitużi f’akkomodazzjoni soċjali.”