Bħalissa s-Servizzi ta’ Matul il-Jum għall-persuni b’diżabilità, immexxija mill-Aġenzija Sapport jinkorporaw 10 ċentri, ċentru ieħor f’Għawdex, u żewġ servizzi esternalizzati (STAR u SPERO), li kollha kemm huma joffru servizzi lil adulti b’diżabilità.
B’kollox, f’dawn iċ-ċentri qed jattendu 521 klijent.
Din l-informazzjoni tatha l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, fil-Parlament bi tweġiba għal interpellanza.
Hija qalet li fl-aħħar għaxar snin infetħu 4 ċentri ta’ matul il-jum fl-Isla, Baħar iċ-Ċagħaq, Tas-Sliema, u Għajnsielem. Dawn assorbew il-lista ta’ stennija li kienet inġemgħet fis-snin ta’ qabel.
Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li, fil-każ ta’ applikazzjonijiet ġodda, il-bżonnijiet ta’ kull applikant ivarjaw bejn prijorità għolja, medja u baxxa u din tiġi evalwata minn professjonisti minn żmien għal żmien. Matul dan l-assessjar kontinwu, f’każijiet fejn ma jkunx hemm postijiet vakanti f’ċentri addattati skont il-bżonnijiet tal-applikant, l-applikant jiġi ggwidat għal servizzi alternattivi. Fl-istess waqt, qed issir ħidma biex persuni b’diżabilità li jattendu ċ-ċentri jiġi deistituzzjonalizzati permezz ta’ servizzi jew opportunitajiet ġodda.
Il-Ministru qalet li mhux eskluż li jinfetħu aktar ċentri ta’ matul il-jum għal persuni b’diżabilità. Madankollu, fil-preżent, is-Servizzi ta’ Matul il-Jum qed jiġu evalwati sabiex jinħolqu servizzi ġodda bl-għan li l-Aġenzija Sapport tirrispondi għall-bżonnijiet u l-interessi tal-applikanti b’modi innovattivi, b’mira li tiżdied l-inklużjoni fil-komunità.