Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela żar il-Ħamrun fejn iltaqa’ u tkellem ma’ bosta residenti, ħaddiema u sidien ta’ negozji kif ukoll persuni oħra li jżuru l-lokalità għal bosta servizzi.
Fil-laqgħat man-nies, il-Prim Ministru ddiskuta bosta temi fosthom il-pass għaqli tal-Gvern li wassal għat-tielet patt soċjali li jagħti stabbiltà fil-prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel essenzjali għall-familji.
Il-Prim Ministru Abela fisser kif ħidmet Gvern Laburista tiffoka fuq żewġ aspetti prinċipali fosthom dik li tqassam il-ġid bejn kulħadd b’għadd ta’ miżuri u tara li l-istess ġid jibqa’ għand in-nies billi tagħti l-għajnuna b’mod ewlieni bi stabbiltà fil-kontijiet tad-dawl u issa mill-bidu ta’ Frar bi stabbiltà ta’ 400 prodott essenzjali.
Tema oħra kienet ir-riforma li bdiet b’miżura tal-Budget għal din is-sena li tibda tindirizza l-anomalija li nħolqot minn Gvern Nazzjonalista, dik tal-pensjoni għal dawk li twieldu qabel l-1962. Numru ta’ pensjonanti li ltaqgħu mal-Prim Ministru fil-Ħamrun laqgħu l-fatt li qed tiġi indirizzata inġustizzja maħluqa fl-2006. Il-pensjonanti tkellmu wkoll dwar żieda oħra li daħlet fis-seħħ li se tkompli tgħinhom flimkien ma’ mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja.
Akkumpanjat mis-Sindku Christian Sammut, il-Prim Ministru nnota x-xogħol li qed isir fil-lokalità għal komunità aktar b’saħħitha u sigura f’post attiv u urban. Fil-Ħamrun, il-Gvern qed jappoġġja numru ta’ proġetti, partikolarment dawk li jinħolqu biex isebbħu spazji miftuħa u jitgawdew mir-residenti. Dawn jingħaqdu ma’ sensiela ta’ proġetti oħrajn, anke infrastrutturali bil-għan li tittejjeb l-aċċessibiltà u tiġi offruta kwalità ta’ ħajja aħjar għall-komunità. Dan fl-istess waqt li l-istess komunità kummerċjali jkollha ambjent isbaħ li tkompli tiġbed iżjed lin-nies.
Din iż-żjara hija waħda minn sensiela ta’ żjarat li l-Prim Ministru għamel f’diversi lokalitajiet bil-għan li jkompli jisma’ u jifhem ir-realtajiet ta’ kulħadd minn kwalunkwe settur. Din hija politika li jfassal il-Partit Laburista u li tkun mibnija fuq l-aspirazzjonijiet tan-nies.