Il-proġett pilota li qed joffri testijiet ta’ smigħ b’xejn f’għadd ta’ lokalitajiet miexi ġmielu, hekk kif dawn it-testijiet diġà saru lil madwar ħames mitt persuna.
Dan il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba, u t-testijiet saru bl-għajnuna tal-Assoċjazzjoni tal-Awdjoloġisti Maltin.
Bħala parti mit-testijiet li bdew f’Ġunju li għadda, inġabret informazzjoni mingħand tliet mija u tlieta u tmenin persuna, li wieħed u ħamsin fil-mija minnhom irriżulta li kellhom problemi fis-smigħ.
Il-President tal-Assoċjazzjoni, Dr Andrew Sciberras spjega li dawn il-persuni ngħataw pariri dwar kif jistgħu jindirizzaw il-problemi fis-smigħ.
Huwa spjega: “Skont it-test imbagħad niddiskutuh mal-persuna u ngħidulu isma’ aħjar tara tabib jew għalissa tajjeb qiegħed jew pereżempju, għandek nuqqas ta’ smigħ però mhux ħażina mela kull sena, kull sentejn agħmel test. Min għandu infezzjoni nagħtuh parir biex imur jara t-tabib tiegħu jew xi ħadd tal-ENT.”
It-testijiet saru fi ħmistax-il lokalità fosthom Birżebbuġa, Ħal Safi, Ħad-Dingli u l-Imtarfa.
L-Assoċjazzjoni Ewropea għas-Saħħa tas-Smigħ innotat li din l-inizjattiva kienet l-ewwel tat-tip tagħha fl-Unjoni Ewropea.
Il-Membru Parlamentari Ewropew, Alex Agius Saliba qal li se jiġu studjati possibilitajiet biex proġetti simili jsiru f’pajjiżi oħra: “Fuq livell Ewropew din l-inizjattiva issa ħa tkun qiegħda tittieħed mill-Hearing Health EU Forum, jiġifieri l-Assoċjazzjoni Ewropea għas-Saħħa tas-Smigħ bħala esperiment issa li sar f’Malta u li ħa jiġi replikat fl-istati membri kollha.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja qalet li dan il-proġett wera l-importanza tas-saħħa tas-smigħ: “Dan il-proġett ried jibgħat messaġġ b’saħħtu anki fuq livell Ewropew illi importanti li wieħed jagħmel test minn żmien għal ieħor biex jekk hemm sfidi partikolari, nidentifikawhom fi stadju bikri u nevitaw illi s-sitwazzjoni twassal għal diżabilità.”