Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela attendew d-29 ċerimonja annwali tal-gradwazzjoni tal-Istitut għal-Liġi Marittima Internazzjonali. Waqt iċ-ċerimonja, 42 student minn 34 pajjiż differenti ngħataw lawrja ta’ Master of Laws (LL.M.) fil-Liġi Marittima Internazzjonali, 7 studenti minn 7 pajjiżi differenti ngħataw lawrja ta’ Master of Humanities (M.Hum.) fil-leġiżlazzjoni Marittima Internazzjonali, u 2 studenti ngħataw Diploma Avvanzata fil-Liġi Marittima Internazzjonali. Tlieta mill-gradwati huma Maltin.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela ppreżenta l-Premju tal-Gvern Malti għall-Aħjar Prestazzjoni fil-Liġi tal-Baħar. Filwaqt li feraħ lir-rebbieħa u lill-gradwati l-oħra kollha għas-suċċess mistħoqq tagħhom, huwa qal li Malta hija kburija li tospita l-Istitut għal-Liġi Marittima internazzjonali, filwaqt li tenna l-appoġġ tal-gvern għall-organizzazzjoni. Il-Ministru Abela qal li l-politika barranija ta’ Malta se tkompli tagħti prijorità lis-settur marittimu u se tkompli tippromwovi aktar l-isforzi internazzjonali dwar il-governanza tal-oċeani.
Waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru Ian Borg ippreżenta l-Premju tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta għall-Aħjar Prestazzjoni fil-Liġi tat-Tbaħħir. Huwa feraħ lir-rebbieħ kif ukoll lill-gradwati l-oħra kollha tal-kisbiet tagħhom, filwaqt li qal li s-settur marittimu issa jinsab aktar attrezzat bit-talenti tagħhom fl-industrija. Il-Ministru Borg tenna l-impenn tal-Ministeru li jiżgura li s-settur marittimu lokali jkompli jimxi ’l quddiem, u rringrazzja lill-Istitut, kif ukoll lil Transport Malta, tal-ħidma siewja li qegħdin jagħmlu fir-rigward ta’ progress fil-karriera f’din l-industrija importanti.