51 rekluta ngħaqdu bħala membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.
It-taħriġ tagħhom beda fit-18 ta’ Lulju 2022, fejn ir-rekluti kienu esposti għall-ħajja militari u tħarrġu f’diversi aspetti bħal taħriġ fiżiku, t-taħriġ fl-użu tal-armi, id-drill u suġġetti militari oħrajn.
Preżenti għall-Passing Out Parade kien hemm il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, u l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brigadier Clinton O’Neill.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri tkellem dwar l-investiment li qed isir fil-Forzi Armati ta’ Malta, fost oħrajn semma l-investiment massiv ta’ €53 miljun fil-lanċa P71, l-akbar investiment li qatt sar fil-Forzi Armati.
F’messaġġ li għadda lill-membri l-ġodda tal-Forzi Armati, l-Ministru Camilleri qal kif il-Gvern se jibqa’ magħhom bħal ma dejjem kien mal-Forzi Armati kull meta dawn kellhom bżonn is-sostenn. Saħaq kif “is-sostenn tajnih b’diversi modi, iżda dan spikka l-iżjed fil-ftehim kollettiv li ta drittijiet u kundizzjonijiet li huma ferm aħjar minn qatt qabel. Dan turija ta kemm il-pajjiż hu grat lejn ix-xogħol imprezzabbli li s-suldati tagħna qed iwettqu, ikunu fejn ikunu stazzjonati.”
Il-ministru temm id-diskors tiegħu billi fakkar lil-membri l-ġodda fir-responsabbiltà li issa dawn għandhom bħala membri tal-Armata, fejn mhux biss irridu jassiguraw is-sigurtà u l-integrità tal-pajjiż, imma jridu wkoll jirrispettaw u jaħdmu għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Min-naħa tiegħu, il-Brigadier Clinton O’Neill qal lill-membri l-ġodda tal-Armata: “Affaċċjaw kull sfida b’karattru b’saħħtu, b’rieda soda u b’determinazzjoni li se tegħlbuha. Bħala Forzi Armati ta’ Malta impenjati bi sħiħ li nagħmlukom kompetenti f’xogħolkom. Se nagħtukom l-għodda u t-taħriġ kollu li se jkollkom bżonn. Matul il-karriera tagħkom se tiġu offruti numru ta’ korsijiet f’diversi oqsma, li dawn żgur ser tiġu bżonnhom sabiex tipprogressaw.”
Il-premju tal-aqwa rekluta ngħata lir-rekluta 22008 K Stanyer.