Bejn Marzu tas-sena li għaddiet, u Marzu ta’ din is-sena, ġew risistemati ftit aktar minn ħames mitt immigrant irregolari lejn l-Istati Uniti.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari.Minn dawn il-503 immigrant irregolari, 355 huma mis-Somalja.
128 oħra huma mill-Eritrea, 17 mis-Sudan, tnejn mill-Etjopja u wieħed mill-Iraq.
Dan l-eżerċizzju jsir bi sħab mal-awtoritajiet Amerikani, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati , u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni.
Barra minn dan, il-Ministru Carmelo Abela nnota wkoll numru żgħir ta’ persuni oħra li matul dan il-perjodu ġew aċċettati minn pajjiż ieħor fuq bażi ta’ sponsorship programmes.