L-Uffiċjali tad-Dwana wettqu t-tieni l-akbar qabda ta’ droga fl-istorja pajjiżna, hekk kif ġew interċettati 5,020 kilo reżina tal-kannabis f’kontejner fil-Port Ħieles. Din is-sena hija l-aktar sena li fiha nqabdet droga mill-Uffiċjali tad-Dwana b’total ta’ aktar minn 16,000 kilo droga.
F’operazzjoni li bdiet tard it-Tlieta waranofsinhar u baqgħet għaddejja sa kmieni l-Ħamis filgħodu, l-uffiċjali rnexxielhom jinterċetaw kontejner li telaq mill-port ta’ Algeciras fi Spanja lejn Malta taħt isem ta’ kumpanija rreġistrata Malta. Il-Kontejner kien iddikjarat li qed iġorr rombli ta’ plastik oħxon li jintuża fl-industrija tal-biedja kif filfatt kienu wħud mill-‘pallets’.
Iżda meta l-uffiċjali tad-dwana wettqu l-istħarriġ tagħhom permezz ta’ tagħmir apposta, huma bdew jinnutaw diskrepanzi fl-immaġini murija.
“Rombli li kellhom ftit li xejn plastik, imbagħad romblu tal-plastik miksi biċ-ċomb minn ġewwa, imbagħad fit-tubu kien mimli droga kull wieħed kellhu madwar tlettin pakkett, kien hemm 14 il-pellet bi 17 il-romblu li kull wieħed kellhu madwar 30 pakkett. Minħabba li kien hemm iċ-ċomb li kien maħsub biex iżomm l-iscanner milli jinfiltra, kellhom jinfetħu u jitqattaw biċ-chaser. Inqabdu għaliex l-apparat il-ġdid li nvestejna fih kien b’saħħtu biżejjed li infiltra fiċ-ċomb”.
Wara testijiet preliminari, li rriżulta fil-pożittiv, l-uffiċjali tad-dwana sejħu għall-assistenza tal-pulizija mill-iskwadra ta’ kontra d-Droga mmexxija mill-Ispettur Anthony Scerri li qiegħed imexxi l-investigazzjoni.
Is-Sur Chetcuti ta’ ħajr lill-membri kollha tad-Dipartiment tad-Dwana li qed ikunu strumentali f’dawn il-qabdiet:
“Persevaranza tan-nies tiegħi tad-Dwana li qegħdin jaħdmu b’mod perfett ma nistax nistenn akatr, għal fatt li l-modus operandi użat din id-darba kien l-ewwel darba li ltqajna miegħu. Filwaqt li l-kriminali qegħdin jibdlu l-mod tagħhom kif jopperaw l-uffiċjali qed ikunu alert”.
B’din is-sejba ta’ aktar minn ħames tunellati droga li hi stmata li tiswa kważi nofs miljun ewro, ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello li ħatret diversi esperti sabiex jassistuwa.