Nies minn kull xorta tal-ħajja – minn politiċi, diplomatiċi, rappreżentanti tal-akbar korporazzjonijiet Ċiniżi, ġurnalisti u bloggers, sal-pubbliku inġenerali: ilkoll kelma waħda: il-prodott Malti jħabbatha mal-aqwa tad-dinja, u tonn bħal ta’ Malta qatt ma daqu.
Din hija l-esperjenza ta’ Malta waqt Expo f’Shangai, li matulha ġie espost u introdott għall-ewwel darba t-tonn Malti, wara li ntlaħaq ftehim storiku bejn il-Gvern Malti u taċ-Ċina biex ikun jista’ jiġi esportat dan il-prodott.
Waqt din l-Expo, Malta kellha ċ-ċans tesponi l-versatilità ta’ dan il-prodott – mill-kċina Ġappuniża tas-sushi u s-sashimi, sal-kċina Maltija u Mediterranja b’riċetti tradizzjonali mħejjija miċ-Chef Marvin Gauci.
F’ħamest ijiem, huwa stmat li ġie kkunsmat man-nofs tunnellata ta’ tonn, ekwivalenti għal mitt kilogramma ta’ tonn kuljum.
Qal, “Aħna użajna riċetti li huma awtentiċi Maltin bħall-qassatat, pastizzi, aranċini, però għamilnihom b’lok li daħħalna t-tonn inkorporat fir-riċetti.”
F’din l-esperjenza ħa sehem ukoll il-preżentatur popolari fuq il-midja soċjali, Kamil Willinsky.
Qal, “So me as a presenter, having Marvin next to me, it was an easy task I would say and what is nice is the reaction from the Chinese people was more than welcoming.”
Dan l-istazzjon huwa nfurmat li tant il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’din l-Expo kienet suċċess, li t-tonn Malta diġà qed jidher fl-ewwel chains ta’ supermarkets f’Shangai, b’ditti kbar bħal Alibaba juru interess partikolari li jesponu dan il-prodott fuq il-pjattaformi tagħhom.