Numru ta’ titjiriet tar-Ryanair mistennija jiġu affetwati minħabba azzjonijiet industrijali tal-ekwipaġġ abbord l-ajruplan nhar il-25 u 26 ta’ Lulju li ġej.
Dan ħabbritu l-kumpanija Ryanair ftit jiem biss wara li ġew imħassra aktar titjiriet minħabba strajk tal-bdoti Irlandiżi u fil-jum li ġew imħassra 24 titjira minħabba strajk ieħor tal-bdoti.
Tul l-istrajk tal-ġimgħa d-dieħla mistennija jigu affetwati aktar minn ħamsin elf passiġġier li 85% minnhom ingħataw ħlas lura tal-biljetti jew instabulhom titjiriet alternattivi.
Qed jiġi rrapurtat ukoll li dawn l-istrajks ġew imsejħa mill-unjins tal-cabin crew Belġjani, Spanjoli u Portugiżi minħabba nuqqas ta’ ftehim dwar il-pagi tal-membri tagħhom u b’talbiet ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar.
Kelliem ghar-Ryanair skuża ruħu mal-klijenti u qal li l-cabin crew tagħhom għandhom fost l-aqwa pagi fis-settur b’pagi li jlaħħqu l-€40,000 fis-sena. L-istess kelliem qal ukoll li l-50,000 passiġġier li mistennija jkunu affetwati intbagħtilhom notifika permezz ta’ SMS.