Nhar il-Ħadd li ġej il-Belt Valletta se tkun miżgħuda attività.
Minbarra li, waranofsinhar, il-Partit Laburista se jkun qed jiċċelebra Jum il-Ħaddiem fi Pjazza Kastilja, fi Pjazza San Ġorġ se tkun għadha għaddejja attività annwali mfittxija ferm li permezz tagħha l-kapitali Maltija titħaddar b’mod li jpaxxi l-għajn ta’ kull min iżurha.
Mil-Ħamis sal-Ħadd li ġej, dawk kollha li se jżuru l-Belt se jkunu jistgħu igawdu l-pjazza ta’ quddiem il-Palazz tal-Granmastri mżejna bi fjuri u ħwawar impoġġijin b’mod artistiku bħala parti mill-Valletta Green Festival.
Għal din is-sena ntagħżel iż-żrinġ bħala ispirazzjoni u biex jgħaddi messaġġ dwar l-importanza tal-ħarsien tal-aambjent Malti.
Il-fjurata hija parti mill-Valletta Green Festival organizzat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, il-VCA. Matul dan il-festival se jsiru numru ta’ attivitajiet, fosthom waħda mmirata għall-annimali fil-Ġnien Laparelli.
Iċ-Chairman tal-VCA, Jason Micallef, tkellem dwar l-importanza ta’ din l-attività sostenibbli, li qed tinkludi mal-50,000 pjanta, li nofshom huma xtieli tal-ħwawar.
Qal, “Dan li qed taraw hawnhekk, wara li jagħmlu erbat ijiem jieħdu gost iżuruh u jarawh in-nies, se nkunu qegħdin inqassmuh lill-Kunsilli Lokali rispettivi, li bħalissa qegħdin japplikaw biex naturalment imbagħad ikomplu jħawluhom fi spazji ħodor, imma wkoll f’ġonna pubbliċi u ġonna privati. Għaliex din is-sena, mal-50,000 xitla, hawn madwar 25,000 ħwawar, jiġifieri tursin, nagħniegħ, illi qegħdin jagħmlu din il-fjurata. Naħseb li din hija ħelwa ħafna wkoll, illi tkompli turi illi dak kollu li nagħmlu, nagħmluh bi ħsieb u li jkun sostenibbli.
Il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, kienu preżenti għall-ftuħ tal-Valletta Green Festival.
Il-Ministru Bonnici tkellem dwar l-importanza li, permezz tal-kultura, jingħadda messaġġ dwar is-sostenibbiltà filwaqt li l-Ministru Dalli esprimiet sodisfazzjoni li qed tinħoloq aktar kuxjenza ambjentali.