- L-applikazzjonijiet għadhom miftuħin online
- 5,000 student jibbenefikaw
Iktar minn 5,000 student fl-iskejjel tal-Primarja ta’ Malta u Għawdex bdew jirċievu s-sħubija ta’ Heritage Malta. Heritage Malta stqarret li l-interess għal din is-sħubija kien wieħed inkoraġġanti u li huwa rifless fin-numru ta’ applikazzjonijiet li qed tirċievi din l-aġenzija nazzjonali.
L-iskema ta’ sħubija għall-istudenti tal-Primarja ġiet imnedija uffiċjalment f’Settembru li għadda minn Heritage Malta bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Dawk li għadhom ma applikawx għal din is-sħubija għadhom fiċ-ċans li jagħmlu dan sa tmiem Jannar fuq dan is-sit.
Din l-iskema hija valida biss għal studenti tal-Primarja, iżda mhux eskluż li fil-futur tiġi estiża għal aktar studenti.
L-iskema tippermetti lill-istudenti tal-Primarja dħul b’xejn fil-mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta, minbarra l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, filwaqt li sa żewġ adulti li jkunu qed jakkumpnjawhom iħallsu nofs il-prezz. L-istudenti se jibbenefikaw ukoll minn skont mill-ħwienet ta’ Heritage Malta u attivitajiet, fosthom dawk esklussivi, organizzati apposta għall-membri.
Riċentament Heritage Malta nediet ukoll skema ġdida għall-membri li permezz tagħha se jgawdu minn inizjattivi u benefiċċji ġodda. Bl-iskema l-ġdida l-membri jistgħu jidħlu b’xejn fil-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta filwaqt li l-kategoriji tas-sħubija twessgħu għal tlieta, bl-għażliet tas-sħubija jkunu għal sena, tlieta jew ħames snin.
Bl-iskema l-ġdida adult jew koppja tista’ ddaħħal sitt itfal b’xejn filwaqt li s-sħubija tista’ taqsamha wkoll man-neputijiet jew mal-ħbieb tal-wild. 15-il biljett jew 30-il biljett se jkunu qed jingħataw b’xejn mas-sħubija ta’ tlieta u ħames snin rispettivament. Dawn il-biljetti jistgħu jitqassmu mal-qraba jew ħbieb.