Mal-ħamest elef persuna se jieħdu bejniethom għaxar miljun ewro, hekk kif għall-ħames darba, il-Gvern żamm il-wegħda elettorali tiegħu li jindirizza inġustizzji tal-imgħoddi.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet, mill-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali Michael Falzon fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema, Insaħħu lill-Ħaddiem, ġranet ’il bogħod mill-jum li jirrokonoxxi lill-ħaddiema, tħabbar li dawn il-pagamenti se jingħataw fi tliet skemi.
Dawk eliġibbli huma l-persuni li daħlu fis-servizz pubbliku wara Jannar tal-1979, persuni li kienu impjegati f’xi korporazzjoni fis-settur pubbliku, u l-ħaddiema tax-xatt liċenzjati bejn l-1973 u l-2007.
Il-Ministru qal kif il-pagamenti se jsiru f’Novembru li ġej, wara li f’Novembru li għadda ngħataw aktar minn ħdax-il miljun ewro għall-istess inġustizzji.
Żied jgħid kif dan huwa Gvern li miegħu taf fejn qiegħed, li f’nofs pandemija – minbarra li ħa ħsieb is-saħħa u l-għajxien tan-nies, qed jara li ssir ukoll ġustizzja ma’ eluf ta’ ħaddiema li sofrew anomaliji għexieren ta’ snin ilu.
Il-Ministru fakkar kif waqt pandemija, dan il-Gven baqa’ ta spalla għall-ħaddiema, tant li pajjiżna huwa wieħed minn tliet pajjiżi biss li rnexxielhom iżidu l-impjiegi.
Qal, “Għinna bi €800 fil-ġimgħa, ukoll mhux biss żammejna kelmtna imma morna oltre, fejn aħna kellek kategoriji ta’ ħaddiema li ħassew li kellhom inġustizzja u anomalija u minkejja kollox ħallasnihom f’Novembru li għadda u din is-sena wkoll erġajna ftaħna bi tliet skemi: għall-ħaddiema tal-korpi, għall-ħaddiema illi huma ħaddiema li kienu jaħdmu mhux biss fis-settur pubbliku, għall-ħaddiema tax-xatt. Dan huwa Gvern li miegħu taf fejn int, Gvern li minkejja kollox dejjem se jżomm kelmtu miegħek.”
L-applikazzjonijiet se jibqgħu miftuħa sal-aħħar ta’ Lulju.