Il-miżura li żgħażagħ ta’ tmintax-il sena tul is-sena li għaddiet ingħataw trasport pubbliku b’xejn, wasslet biex iktar minn ħamest elef żgħażugħ u żgħażugħa, jużaw it-trasport pubbliku b’mod regolari.
Fi kliem Daniel Grech, uffiċċjal fi ħdan il-Malta Public Transport, din il-miżura wasslet biex żgħażagħ ta’ din l-età jivvjaġġaw bit-trasport pubbliku madwar ħamsa fil-mijja iktar milli għamlu żgħażagħ tal-istess età tul is-sena ta’ qabel.F’intervista ma’ ONE News, tkellimna wkoll dwar il-miżura li l-Gvern introduċa fil-bidu tal-elfejn u tmintax, fejn żgħażagħ minn sittax sa’ għoxrin sena, se jkunu jistgħu jużaw it-trasport pubbliku, mingħajr ebda ħlas.
Grech qal li mill-kalkoli tal-kumpanija, qed jistennew li madwar tmienja u għoxrin elf persuna jibdew jivvjaġġaw b’xejn.
Is-Sur Grech spjega li s-sena li għaddiet, żgħażagħ b’etajiet bejn sittax u għoxrin sena, għamlu total ta’ kważi ħames miljun vjaġġ. B’hekk, il-Gvern din is-sena mistenni jħallas għal dawn il-vjaġġi biex persuni f’dawk l-etajiet, studenti u mhumiex, ikunu jistgħu jivvjaġġaw b’xejn.
Mistoqsi kif se taħdem is-sistema, huwa spjega li dak li jkun irid ikollu tal-linja card valida, u b’ammont ta’ kreditu fiha. Meta imbagħad jitla’ f’tal-linja, dan imiss il-card mal-magna biex iħallas tal-vjaġġ b’mod normali, biex imbagħad l-istess flus jiġu rimbursati fix-xahar ta’ wara.
Grech qal li l-miżuri kollha li qed tieħu l-kumpanija, qed iwasslu biex sena wara l-oħra, jiżdiedu l-ammont ta’ passiġġiera li qed jużaw it-trasport pubbliku.
Dan hekk kif filwaqt tul l-elfejn u sittax ġiet innutata żieda ta’ tnax fil-mijja fil-passiġġiera totali, tul is-sena li għaddiet ġiet innutata żieda oħra ta’ ħdax fil-mijja, fuq is-sena ta’ qabel.