Ħamest elef membru tal-korpi dixxiplinati f’pajjiżna, minn pulizija, suldati, uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili sal-ħaddiema tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, għal darb’oħra se jaraw titjib fil-kundizzjonijiet u d-drittijiet tagħhom.
Dan hekk kif, bħalma ġie mwiegħed fil-baġit għal din is-sena, u skont il-wegħda 844 fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, persuni b’esperjenza twila fil-korpi dixxiplinati se jaraw żieda ta’ tlieta u għoxrin fil-mija fil-pensjoni tagħhom kemm-il darba jirtiraw erba’ snin wara s-servizz – jiġifieri jkollhom disgħa u għoxrin sena servizz.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-Air Wing tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri, spjega li bħalissa hemm mija u ħamsa u ħamsin persuna li qegħdin f’dan il-perjodu tas-servizz tagħhom, jiġifieri li qed jaħdmu bejn il-ħamsa u għoxrin u d-disgħa u għoxrin sena servizz, u din il-wegħda mwettqa, proprju tippremja l-bżulija tagħhom.
Fl-istess ħin, hemm mija u tletin persuna li għandhom aktar minn disgħa u għoxrin sena servizz.
Dawn, mil-lum, ukoll se jkollhom dritt għal żieda fil-pensjoni tagħhom, hekk kif tħabbar inċentiv addizzjonali għal dawk li jagħżlu li jibqgħu jaħdmu saħansitra wara disgħa u għoxrin sena servizz.
Il-Ministru Byron Camilleri qal, “Qed noffru żewġ tipi ta’ inċentivi – inċentiv ta’ żieda fil-pensjoni ta’ dawk il-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati li jagħżlu li jagħmlu erba’ snin aktar mill-ħamsa u għoxrin sena servizz u anke dawk li jiddeċiedu li jkomplu bis-servizz tagħhom wara d-disgħa u għoxrin sena, għal massimu ta’ erba’ snin, il-Gvern qed joffri allowance ieħor, u b’dan il-mod qed juru għal darb’oħra, li qalbna mal-ħaddiem.”
Fl-istess konferenza, il-Ministru responsabbli mis-settur soċjali f’pajjiżna, Michael Falzon, innota li bil-pass tal-lum, qed jintbagħat messaġġ ċar li din mhux biss hi amministrazzjoni li twettaq dak li twiegħed, u aktar minn dak imwiegħed, imma li tevalwa wkoll ix-xogħol imprezzabbli li jagħmlu l-forzi tas-sigurtà f’pajjiżna.
Innota li filwaqt li l-ewwel reazzjoni ta’ kull bniedem f’inċident tkun li jitlaq ’il bogħod, membru ta’ korp dixxiplinat jidħol biex jara kif jista’ jgħin, għaldaqstant qed tkun ippremjata l-bżulija b’dan l-inċentiv u oħrajn li ttieħdu fis-snin riċenti.
Fost dawn, semma s-sahra mħallsa lill-Pulizija, id-dritt li jissieħbu f’unjin, ftehimiet kollettivi b’kundizzjonijiet aħjar u, issa, iż-żieda fil-pensjoni.
Michael Falzon qal, “Din ħa tkun miżura kif diġà għamilniha anke għall-poplu inġenerali, li jekk inti tibqa’ taħdem aktar mill-età tal-pensjoni, jew f’dan il-każ meta wieħed jagħlaq is-servizz tal-ħamsa u għoxrin sena, ikollok pensjoni aktar. Hawnhekk qed nitkellmu fuq żieda ta’ tlieta u għoxrin fil-mija jekk wieħed jagħmel erba’ snin żejda fuq il-ħamsa u għoxrin sena servizz.”
Fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela kiteb li dak imħabbar se jinċentiva aktar nies jibqgħu fil-korpi dixxiplinati wara l-ħamsa u għoxrin sena servizz, u qal li dan hu sinjal ieħor ta’ investiment fin-nies u fis-sigurtà ta’ pajjiżna.