Tħabbru aktar boroż ta’ studju. Permezz ta’ €7.5 miljun taħt il-Fond Soċjali Ewropej hemm aktar minn 500 applikant li mistennija jibbenefikaw.
Din hija t-tieni sejħa taħt l-iskema Endeavour li permezz tagħha aktar boroż ta’ studju ser ikunu possibbli għal dawk l-istudenti li jixtiequ jkomplu jispeċjalizzaw.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li din l-iskema se tappoġġja bosta oqsma b’mod partikulari dik li hija riċerka fix-xjenza u t-teknoloġija. Huwa żied jgħid li oqsma speċifiċi bħalma huma industrija kreattiva, life sciences, turiżmu kif ukoll studji f’servizzi finanzjarji u oħrajn ġew identifikati bħala importanti u se jkunu qed jingħataw prijorità fuq oqsma oħra.
Din l-iskema ser tkompli ma’ dak li diġa’ sar f’dawn l-aħħar sentejn u nofs.
Taħt l-ewwel sejħa li kienet ħarġet taħt din l-iskema 304 studenti ingħataw boroż ta’ studju li ammontaw għal aktar minn €2.6 miljun.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius aċċenna għas-suċċess li kellha din l-iskema u żied kif il-Gvern diġà qed jaħdem ħafna biex inaqqas ir-rata tal-qgħad u inċentivi bħal dawn ikomplu jħarrġu aktar persuni b’ħiliet li huma essenzjali għall-karigi speċifiċi.
Huwa semma kif fis-snin l-imgħoddija kien hawn nuqqas ta’ ċerti ħiliet u allura wħud mill-pożizzjonijiet kienu jimtlew b’persuni barranin. Il-Gvern qiegħed jara li bi skemi bħall-iskema Endeavour timtela’ l-iskills gap li teżisti, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Agius.
L-applikazzjoni għal dawn il-boroż ta’ studju se tkun tista’ tinkiseb onlajn waqt li l-applikazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu sas-6 ta’ Lulju 2016. Ir-riżultati jkunu kkomunikati wara li jintemm il-proċess t’evalwazzjoni ta’ kull applikazzjoni aktar tard fix-xhur li ġejjin.