Fil-votazzjoni bikrija tas-Sibt se jintużaw għall-ewwel darba l-erba’ ċentri tal-votazzjoni għal dawk pożittivi għal Covid-19 jew kwarantina mandatorja.
Fil-fatt matul il-jum tas-Sibt jiġifieri bejn is-sebgħa ta’ filghodu u l-għaxra ta’ filgħaxija se jivvutaw madwar ħames mitt persuna f’dawn iċ-ċentri apposta.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Kummissjoni Elettorali, il-Kap tal-Kummissjoni Elettorali Joe Camilleri qal li dawn iċ-ċentri fil-Life Sciences Park San Ġwann, fil-parking ta’ Smart City, f’Ta’ Qali ħdejn l-Outdoor gym u f’Ta’ Xħajma fix-Xewkija Għawdex se jintużaw nhar is-19 ta’ Marzu u s-26 ta’ Marzu. Intqal li f’dawn iċ-ċentri se jivvutaw dawk li kienu pożittivi jew fi kwarantina bejn it-12 u l-25 ta’ Marzu.
Qal, “Peress li persuna tista’ tiddeċiedi hi li kienet ivvaċinata tista’ ma tagħmilx l-erbatax il-ġurnata kwarantina, aħna bħala Kummissjoni ma nkunux nistgħu nsegwu dan it-tibdil differenti u għalhekk avżajna li min jidħol bħala Covid jew kwarantina mit-12 sal-25 ta’ Marzu, irrelevanti joħroġ mill-kwarantina b’din il-proċedura jrid jivvota f’dawn iċ-ċentri.”
Iċ-Ċentri huma maqsuma fi tnejn; b’sezzjoni għal dawk fi kwarantina mandatorja iżda mhux pożittivi għal Covid-19.
Qal, “Persuni bi kwarantina dawk jaslu bil-karozza, jinżlu, jidħlu jivvutaw normali daqs li kieku qegħdin jivvutaw b’mod normali. Ovvjament iġibu d-dokument tal-vot biex jippreżentawh. Jidħol fil-polling booth, jivvota. Kull votant se jingħata lapes differenti, jivvota, kif ilesti jidħol fil-karozza u jmur, isir it-tindif u terġa tidħol karozza oħra.”
Dawk li huma pożittivi għal Covid-19 mhux se jinżlu mill-karozza.
Qal, “Il-karozza tasal saċ-ċentru, il-persuna Covid positive tibqa’ fil-karozza u tagħti d-dokument tal-vot lill-AECs li se jkun hawn bil-full PPE, dawn ituhom il-ballot u ovvjament kartuna fejn tista’ tikteb. Tagħmel il-preferenzi tagħha. X’ħin tlesti titwi l-vot ittih l-AEC u jintefa’ fil-kaxxa.”
Is-Sur Camilleri qal li kull minn ser jivvota f’dawn iċ-ċentri se jkun qed jivvota għal kandidati ta’ fejn hu reġistrat id-dokument tal-vot tiegħu.
L-Għawdxin li huma maqbuda f’Malta fi kwarantina jistgħu jivvutaw f’Malta wkoll u għal kandidati tat-tlettax-il distrett.
Qal ukoll li jekk sa jum l-elezzjoni jkun hemm il-bżonn jinfetħu aktar ċentri, hemm pjanijiet li jinfetħu tlieta oħra madwar il-pajjiż.
Il-Kummissjoni Elettorali se tkun ukoll qed tipprovdi anke trasport għal dawk li jkollom bżonn biex jivvutaw f’dan iċ-ċentru.
Wieħed jista’ jagħmel kuntatt mall-Kummissjoni Elettorali fuq 22261010.