Madwar ħames mitt karozza bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranin u li kienu fit-toroq ta’ pajjiżna illegalment, inġabru minn Transport Malta fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport Ian Borg f’konferenza tal-aħbarjiet, li matulha spjega li dan l-infurzar sar kollu fi żmien tliet xhur. Spjega li dan l-infurzar sar minħabba li dawn il-karozzi ma kinux konformi mal-liġi Maltija.
Żied jgħid li permezz ta’ dan l-infurzar, l-awtorità daħħlet ħamsa u tmenin elf ewro f’multi mingħand is-sidien, li fil-maġġoranza tagħhom huma persuni barranin.
Dan f’tentattiv biex it-toroq Maltin ikunu iktar siguri. Fl-istess waqt, biex jiġi mħares dan l-għan, qed jiżdiedu l-ammont ta’ uffiċċjali ta’ infurzar fit-toroq Maltin. Intqal kif minkejja li dawn ikunu stazzjonati biss fit-toroq arterjali, fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, ħarġu ‘l fuq minn ħamest elef kontravenzjoni, u eluf ikbar fi twissijiet.
Żdiedu wkoll l-ammont ta’ muturi għall-uffiċċjali, bil-għan li meta jinqala xi inċident, l-uffiċċjali ta’ Transport Malta jkunu fost l-ewwel persuni fuq il-post.
Il-Ministru spjega li l-infurzar ma sarx biss fuq l-art, iżda anke fuq il-baħar. Fil-fatt, fix-xhur tas-Sajf fuq il-baħar ingħataw madwar mitejn u erbgħin twissija, u mitejn u sebgħin kontravenzjoni. Dan waqt li l-uffiċċjali ta’ Transport Malta spezzjonaw ‘l fuq minn disa’ mitt opra tal-baħar. Separatament, fi Blue Lagoon biss, saru elf u tliet mitt spezzjoni.
Il-Ministru Ian Borg, waqt li faħħar ix-xogħol tal-uffiċċjali, qal li dawn iridu jiġu protetti. B’hekk, se jara li dawn ikunu mgħammra bl-aqwa teknoloġija bħal bodycams, biex ikunu megħjuna fil-qadi ta’ dmirijiethom.
L-istess uffiċċjali rridu nipproteġuhom ukoll.. u fil-fatt l-awtorità qed tinvesti kemm fil-bodycams, kif ukoll f’iktar mezzi ta’ komunikazzjoni bejn l-uffiċċjali nfushom, u anke mal-kontroll fiċ-ċentru li għandha l-istess awtorità għandha fil-lokalità tal-Marsa.
Fl-istess konferenza tal-aħbarjiet, ħamsa u għoxrin uffiċċjal ta’ Transport Malta, li ingħaqdu mal-awtorità fl-aħħar tas-sena li għaddiet bħala parti minn grupp ikbar, irċievew ċertifikat, wara taħriġ intensiv ta’ tliet ġimgħat.
Taħriġ, li sar bil-għan li l-uffiċċjali jkunu aġġornati dwar modijiet aħjar ta’ infurzar.