Fi tmien din il-ġimgħa, kważi 500 familja se jirċievu l-pagament tal-Benefiċċju Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja. B’dawn qed jitħallsu bejniethom aktar minn €140,000.
Dan tħabbar fi stqarrija tal-Ministeru għall-Politika Soċjali.
Intqal li dawk li se jingħataw dan il-pagament f’dan it-tmiem il-ġimgħa huma familji, li ma jirċievu ebda benefiċċju soċjali u għalhekk kellhom japplikaw għall-benefiċċju msemmi.
Imbagħad b’din l-applikazzjoni, id-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza fi ħdan il-Ministeru setgħet iġġib l-informazzjoni dwar id-dħul tal-applikanti mid-Dipartiment tat-Taxxa u min hu intitolat jirċievi dan il-benefiċċju.
Dwar dan tkellimna aktar mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali, Mark Musù.
“B’dan il-ħlas li qed nagħmlu propju fi tmiem din il-ġimgħa ħa nkunu ħallasna aktar minn 99,000 familja, kważi 100,000, illi bejniethom se jirċievu madwar €34 miljun.”
Ma’ ONE News, Musù fakkar li dan il-benefiċċju tal-COLA addizzjonali beda jingħata madwar sentejn ilu, fi żmien ta’ inflazzjoni għolja minħabba l-pandemija globali u l-gwerra fl-Ukrajna. Dan bil-għan li jgħin lill-familji li għandhom dħul baxx.
“Lejn l-aħħar tas-sena l-oħra għal din is-sena biddilna l-parametri wkoll ta’ dan il-benefiċċju sabiex nilħqu aktar familji, mhux biss dawk bi dħul baxx għax dawk naturalment dawk jibqgħu primarji għall-attenzjoni tagħna. Però, ħassejna wkoll li nestendu l-benefiċċju medju.”
Mark Musù spjega li lejn l-aħħar tal-2022 u l-bidu tas-sena l-oħra, il-Gvern kien ħallas madwar 50,000 familja b’dan il-benefiċċju u issa din is-sena rdoppja l-ammont ta’ familji, bi 100,000 familja, li se jgawdu minn dan il-benefiċċju.
Sostna li l-investiment għal din il-miżura soċjali, aktar milli rdoppja, hekk kif din is-sena ġew investiti aktar minn tlieta u tletin miljun ewro, waqt li dan il-benefiċċju, se jibqa’ jitħallas kull sena.