Madwar 50 tifel u tifla qegħdin ifittxu familja li tiftħilhom il-bieb u tilqagħhom fi ħdanha biex tagħtihom ambjent aktar sigur għat-trobbija tagħhom. Ħamsa minn dawn it-tfal qed ifittxu dan il-kenn b’mod permanenti.
F’intevista ma’ ONE NEWS, l-Assistent Direttur tal-Aġenzija Appoġġ, Remenda Grech, qalet li bħalissa f’Malta hawn madwar erba’ mija u tmenin tifel u tifla illi mhux qed jgħixu mal-familji tagħhom. Ftit aktar minn nofshom qed jgħixu fi djar residenzjali filwaqt li l-kumplament qed jgħixu f’foster care.
Qalet li t-tfal jinħarġu mid-dar bijoloġika tagħhom f’sitwazzjonijiet ta’ mard, ta’ diffikultajiet kbar fejn il-familja ma tkunx tista’ tibqa’ żżommhom u f’ċirkostanza fejn ikun hemm abbużi.
“L-Aġenzija Appoġġ tkun fid-dover illi toħroġ lil dawn it-tfal biex primarjament aħna nipproteġuhom ħalli ma jibqgħux fl-abbuż jew inkella ma jibqgħux f’sitwazzjonijiet diffiċli tagħhom. Però mbagħad minn hemmhekk ikollna wkoll ir-responsabilità illi nsibulhom post alternattiv fejn jistgħu jirresjedu”
Il-foster care joffri ambjent ta’ familja lit-tfal li jkollhom għal xi raġuni ma jibqgħux jgħixu mal-familja bijoloġika tagħhom.
“Ambjent fejn dawn it-tfal jistgħu jitrabbew ‘il bogħod mill-abbuż, ’il bogħod mid-diffikultajiet li propju nkunu ħriġniehom minnhom imma jkunu qegħdin jitrabbew f’ambjent ħafna aktar sigur. Ovvjament meta tkun qiegħed titrabba f’ambjent ta’ familja għandek aktar b’mod individwali jiġifieri nistgħu nħarsu lejn dawn it-tfal anke l-individwalità tagħhom, ma għandekx ħafna tfal u allura kull bniedem iffoka iktar.”
Intant, is-Sunjura Grech temmet b’dan l-appell għal kull min huwa interessat fil-foster care.
“L-appell huwa li jagħmlu kuntatt mal-Aġenzija Appoġġ fuq 2295 9000 hemmhekk ikollhom aktar informazzjoni u nagħtuhom informazzjoni fuq it-taħriġ li aħna nagħtu u mbagħad minn hemmhekk jibda wkoll il-proċess sabiex verament inkunu nistgħu nieħdu ħsieb lil dawn it-tfal li huma ulied ta’ Malta wara kollox.”