L-imxija tal-coronavirus madwar id-dinja ma jidhirx li se tiġi kkontrollata f’qasir żmien, iżda fl-istess waqt qiegħed ikompli jiżdied l-għadd ta’ pazjenti li qegħdin jfiqu minn dan il-virus.
Il-coronavirus ġdid inxtered bħal leħħa ta’ berqa madwar id-dinja fejn infetta aktar minn mitt u għaxart elef ruħ u qatel aktar minn tlett elef u disa’ mitt ruħ. Madankollu skont ċifri ppubblikati mill-għaqda dinjija tas-saħħa joħroġ li aktar minn 62 elf u ħames mitt ruħ li ntlaqtu b’dan il-virus fiequ minn din l-influwenza.
ONE news tkellem mal-Kap tad-Dipartiment tal-Kontroll tal-Infezzjonijiet fl-Isptar Mater Dei, il-Professur Michael Borg, fejn stqarr li r-rata ta’ mwiet hija waħda sostanzjalment żgħira.
“Il-mortalità ta’ dan il-virus bħalissa qed tiġi rrappurtata viċin it-tnejn fil-mija. Imma dejjem irridu noqogħdu attenti u nifhmu li din hija bħalma għandek piramida, jiġifieri jekk għandek iceberg li ħa tara parti minnha dik ’il fuq mill-ilma, jiġifieri ħafna każijiet li huma ħfief ħafna ma jiġux irrapportati. Jiġifieri probabilment il-mortalità hija ħarira inqas jekk mhux sostanzjalment inqas”
Il-Professur Borg kompla jispjega li l-maġġoranza tal-vittmi tal-virus huma persuni li diġà għandhom kundizzjonijiet mediċi oħra fosthom fil-pulmun, fil-qalb, fil-fwied u anke persuni dijabetiċi/
“Dawn huma l-pazjenti li fil-protokoll tagħna diġà jiġu earmarked mill-bidu biex jekk dawn xi ħadd minnhom ikollu infezzjoni, dak se jirċievi l-kura medika estensiva u minn kmieni”
Il-Professur qal li l-aktar mod effettiv biex jiġu evitati dawn l-imwiet huwa permezz ta’ kura aggressiva u li tingħata fi stat bikri.
“Din hija fil-fatt parti mill-protokoll tagħna, għalhekk diġà qed naħsbu anke biex nespandu l-ITU jekk ikun hemm bżonn biex l-ammont ta’ sodod ta’ kura intensiva ġo dan l-isptar jikber b’mod sostanzjali”
Ir-rata ta’ mwiet hija baxxa kkumparata mal-infezzjonijiet li jiġu rrapportati, filwaqt li l-ammont ta’ persuni li fiequ s’issa minn dan il-virus huwa ftit aktar minn ħamsin fil-mija.