Il-President ta’ Malta George Vella qal li llum kważi 50% tal-pazjenti li jinstabu li għandhom il-kanċer f’Malta u jingħataw il-kura meħtieġa qed jgħixu għal aktar minn għaxar snin u dan ifisser li hemm bżonn investiment aktar qawwi fir-riżorsi finanzjarji u umani, għax f’ċertu każi jkun hemm bżonn kura speċjalizzata u personalizzata.
Waqt li kien qed jindirizza konferenza organizzata min-National Cancer Platform fil-Jum Dinji tal-Kanċer, il-President Vella qal li l-istatistika turi li kull sena qed jinstabu mal-2,500 każ ġdid tal-kanċer f’Malta u madwar 1,000 minnhom imutu, tant li llum il-kanċer hu l-kawża primarja ta’ 30% tal-imwiet kollha f’pajjiżna.
Il-President Vella radd ħajr lil numru ta’ għaqdiet volontarji li jagħtu sehemhom f’oqsma differenti. Sellem ukoll lill-eluf ta’ ħaddiema f’setturi differenti tal-istituzzjonijiet nazzjonali tas-saħħa li jagħtu servizz b’tant dedikazzjoni u mħabba.
In-National Cancer Platform, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, tiġbor flimkien ħdax-il għaqda mhux governattiva li jaħdmu jew huma interessati f’xi aspett relatat mal-pazjenti morda bil-kanċer f’Malta. L-għaqdiet volontarji għandhom l-għan li jikkooperaw u jikkoordinaw ħidmiethom, jedukaw u jqajmu għarfien dwar prevenzjoni mill-fatturi u drawwiet li jistgħu jwasslu għall-kanċer.
Iċ-Chairperson il-ġdid tan-National Cancer Platform, Dr Noel Buttigieg Scicluna, qal li l-għaqdiet qed jaqsmu ideat bejniethom, jippromwovu r-riċerka, studji u pubblikazzjonijiet, iżommu sessjonijiet ta’ taħriġ, u fuq kollox jipprovdu għajnuna finanzjarja għal xiri ta’ mediċini, u servizzi oħra.
Il-konsulent Dr Nathalie Galea, li tispeċjalizza fil-kanċer fost it-tfal, qalet li din is-sena s-servizz tal-onkoloġija pedjatrika għandu jkompli jissaħħaħ hekk kif se jiggradwaw żewġ tobba oħra, ħolma li kellu Dr Victor Calvagna li kien pijunier f’dan il-qasam.